Atalanta v Juventus 0-2
Żewġ gowls fit-tieni taqsima kienu fundamentali fir-rebħa ta’ Juventus kontra Atalanta bl-iskor ta’ 2-0, biex b’hekk issa Juventus qed jokkupaw it-tieni post fil-klassifika Taljana b’66 punt wara 34 logħba hekk kif il-ġlieda għall-kwalifikazzjoni għall-UEFA Champions League qed tilħaq il-qofol tagħha.
Samuel Illing-Junior fetaħ l-iskor fis-56 minuta permezz ta’ l-ewwel gowl tiegħu mal-klabb fl-ewwel partita li beda mill-ewwel minuta. Il-plejer laterali Ingliż żmarka ruħu tajjeb wara li irnexxielu jsib lil Rabiot fit-tarf tal-kaxxa bil-midfielder Franċiż jixħet fil-kaxxa u jerġa jsib lil Illing Junior li ma żbaljax u kkonkluda fix-xibka.
Bil-gowl tiegħu Illing-Junior sar it-tielet plejer Ingliż li sab ix-xibka mal-Bianconeri wara William John Jordan u David Platt.
Dusan Vlahovic issiġilla r-rebħa ftit sekondi qabel l-aħħar suffara meta għeleb għal kollox lil Sportiello minn kontrattakk veloċi tas-sostitut Federico Chiesa.
Torino v Monza 1-1
Il-konfront bejn Torino u Monza spiċċat f’parità ta’ 1-1 biż-żewġ gowls jiġu fit-tieni taqsima.
Antonio Sanabria fetaħ l-iskor għal Torino wara nofsija logħob minn kross tal-midfielder laterali Vlasic.
Wara ħafna opportunitajiet mitlufin, Monza skurjaw il-gowl tant mistenni tad-draw ftit minuti qabel l-aħħar suffara. Azzjoni tajba minn Matteo Pessina li sab lil attakkant Petagna li b’preċiżjoni rnexxielu jiżmarka lil Gianluca Caprari li xeħet ġewwa bil-kalma kollha.
Napoli v Fiorentina 1-0
Napoli kisbu rebħa minima kontra Fiorentina biex b’hekk ikomplu juru d-dominanza tagħhom fil-kampjonat Serie A.
Il-gowl deċiżiv wasal fl-74 minuta mill-attakkant prolifiku Victor Osimhen li sab ix-xibka minn penalty minn foul kommess minn Nico Gonzalez fuq Kvaratskhelia.
Lecce v Hellas Verona 0-1
Fl-aħħar partita tal-ġurnata fi Stadio Via Del Mare, Hellas Verona kisbu tlett punti kruċjali fil-vjaġġ tagħhom sabiex jevitaw ir-relagazzjoni kontra Lecce bl-iskor ta’ 0-1.
Il-gowl ta’ Cyril Ngonge minn barra l-kaxxa fit-72 minuta kien biżżejjed biex jagħti r-rebħa lil Verona hekk kif issa jinsabu tlett punti iktar minn Spezia li jinsabu fit-18-il post.
Riżultati:
Is-Sibt: Milan v Lazio 2-0, Roma v Inter 0-2, Cremonese v Spezia 2-0
Illum: Atalanta v Juventus 0-2, Torino v Monza 1-1, Napoli v Fiorentina 1-0, Lecce v H.Verona 0-1
Logħob:
Għada: Empoli v Salernitana 6:30pm, Udinese v Sampdoria 6:30pm, Sassuolo v Bologna 8:45pm