Ekonomija Lokali

65% tan-negozji jemmnu li pajjiżna jrid ibiddel id-direzzjoni

Huma ta’ tħassib il-konklużjonijiet li ħarġu minn studju li sar mill-Kamra tal-SMEs fost 400 negozjant minn setturi differenti – studju li jkopri l-ewwel kwart tas-sena u li ġie preżentat it-Tnejn filgħodu lill-media.

Lawrence Zammit, il-fundatur tal-Misco, tkellem dwar il-punti ewlenin li ħarġu minn dan l-istħarriġ imsejjaħ ‘SME Barometer’ … bir-rapport juri li l-maġġoranza tan-negozji ż-żgħar qed jinsistu li pajjiżna jrid ibiddel id-direzzjoni.

L-akbar inkwiet għan-negozji bħalissa jibqa’ marbut maż-żieda fil-prezzijiet, u l-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema.

Meta saritilhom id-domanda jekk għandhomx ħeġġa jinvestu fit-12-il xahar li ġejjin, 55% tan-negozji qalu li ma jafux. Filwaqt li kważi terz minn dawk li rrispondew għal dan l-istħarriġ qalu li ma jaħsbux li se jinvestu fin-negozju tagħhom.

L-istħarriġ tal-Kamra tal-SMEs sar bejn l-aħħar t’April u l-bidu ta’ Mejju. Dawk li wieġbu indikaw li l-akbar problemi għan-negozji bħalissa huma relatati mal-prezzijiet u n-nuqqas ta’ ħaddiema imħarrġa, u dawn il-problemi jistgħu jitaffu biss billi l-Gvern jagħti direzzjoni u jisma l-karba nazzjonli tal-poplu Malti – dik li jimxi lejn mudelli sostenibbli sabiex pajjizna jgawdi minn kwalita ta’ ħajja aħjar.

Dwar dan, tkelmet il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SMEs Abigail Agius Mamo.

Fuq livell ta’ pajjiż, apparti l-problema tal-għoli tal-ħajja hemm ukoll kwistjonijiet marbuta ma’ governanza tajba u l-ambjent.

F’dan l-istħarriġ ħareġ biċ-ċar li n-negozji zgħar iridu li jiġi zgurat li pajjiżna jgawdi reptuazzjoni tajba barra minn xtutna u tonqos il-burokrazija għaliex r-reputazzjoni ta’ pajjiżna hija ċ-ċavetta li tgħin lin-negozji z-zgħar ikomplu jikbru.

Apparti dan, ir-rappreżentanti tac-Chamber of SMEs kkritikaw ukoll il-process tat-tendering u appellaw lill-Gvern sabiex dan il-proċess isir b’aktar mod ġust.

Fl-aħħarnett, il-Kamra tal-SMES appellat lill-Gvern sabiex jħaddan politika li verament issaħħaħ impjiegi ta’ kwalità u li tattira l-investiment lejn pajjiżna.

Il-PN minn naha tieghu ilu xhur li hareg bi proposti sabiex jghin lin-negozji z-zghar, partikolarment fejn tidhol l-importazzjoni. Dan sabiex ikun il-Gvern li jassorbi parti mid-daqqa tal-għoli tal-ħajja…billi jiddaħħal Fond Nazzjonali b’budget annwali ta’ €40 miljun li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta.