Tul il-jum tal-Ħadd, kienu eluf dawk li wrew interess u żaru l-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta sabiex għexu l-esperjenza ta’ dan il-mument storiku. Dan hekk kif wieħed seta jara l-Konkatidral imlibbes bl-arazzi li jmorru lura sas-seklu sbatax.
Net News jinsab infurmat li b’kollox kienu madwar 6,500 persuna dawk li l-Ħadd irħewla lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann sabiex jaraw dawn l-arazzi mill-isbaħ, illi huma l-akbar fid-dinja – sett li kien ingħata bħala rigal lil Malta mill-Gran Mastru Perelllos hekk kif ġie elett bħala s-46 Granmastru, wara l-mewt tal-Granmastru Wignacourt.
Il-pubbliku kellu ċans jara l-arazzi imdendlin għall-ewwel darba fi kważi 30 sena….peress illi l-aħħar darba li tpoġġew f’posthom kien fl-1990 meta l-Papa Ġwanni Pawlu II żar Malta.
L-arazzi kienu issawru bejn l-1699 u l-1701 u waslu Malta sena wara, fl-1702.
Apparti li kienu intenzjonati li jsebbħu l-Konkatidral, l-arazzi kienu jservu bħala kronoloġija ta’ narrattiva ta’ avvenimenti Bibliċi.
Il-wirja bl-isem ‘Gift of Glory’ kienet miftuħa għall-pubbliku l-Ħadd wara nofsinhar, u wieħed seta jisma’ u jappreżża l-istorja ta’ dawn l-arazzi, kif ukoll jagħmel il-mixja tal-fidi li qed jipproponu l-arazzi li jirrappreżentaw il-ħajja ta’ Ġesù Kristu.
Din il-kollezzjoni tikkonsisti minn 29 arazz li juru episodji mil-ħajja ta’ Ġesù Kristu kif ukoll it-Trijonf tal-Knisja Kattolika.
Il-proċess estensiv ta’ restawr fuq dawn l-arazzi li dam għaddej għal 16-il sena.
Dan is-sett ta’ arazzi, li huwa kapolavar tal-arti barokka, huwa l-ikbar sett komplut fid-dinja b’kobor ta’ 730 metru kwadru, u b’tul ta’ 120 metru. Intant, l-arazzi se jibqgħu mdendlin fin-Nava Prinċipali tal-Konkatidral ta’ San Ġwann sal-24 ta’ Ġunju li ġej.
//= $special ?>