Lokali

Ajruplan tal-AirMalta fi triqtu lejn Berlin jinżel f’Rimini minħabba ‘problema teknika’

Aktar ma jmur aktar qed ikun hemm diżgwid u taħwid fit-titjriet tal-linja nazzjonali AirMalta.  Kważi kuljum qed nisimgħu b’dewmien u titjiriet ikkanċellati.

Bl-aktar waħda riċenti tkun it-titjira KM 376 għal Berlin li telqet minn Malta fis-2:11pm tal-Ħadd, b’161 persuna abbord.  Għall-ħabta tal-3:40pm l-ajruplan kellu jagħmel inżul fl-Ajruport Internazzjonali Federico Fellini,  Rimini, l-Italja minħabba problemi f’waħda mill-magni. 

Passiġġieri li kienu fuq din it-titjira u tkellmu ma’ Net News qalulna li dan qajjem frustrazzjoni kbira hekk kif huma tħallew jiġbru l-bagalji tagħhom ftit qabel id-9:30pm.  Kien dak il-ħin li huma ġew avżati u ftit tal-ħin wara ġew trasferiti għal akkomodazzjoni fil-qrib fejn setgħu iqattgħu il-lejl.

Kawża ta’ din id-devjazzjoni, it-titjira KM 377 minn Berlin għal Malta se tkun ukoll skedata mill-ġdid b’dewmien sostanzjali.

Intant, it-tħarbit fl-iskeda tal-AirMalta bħal donnu sar xi ħaġa regolari speċjalment minn meta ftit tal-ġimgħat ilu kellna l-konferma li l-linja nazzjonali tal-ajru se tagħlaq il-bibien tagħha sal-aħħar tas-sena.