Kultura Lokali

Ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Ewropa 2023 f’Malta

Jum l-Ewropa 2023 se jiġi ċċelebrat fuq tlitt ijiem f’Malta, b’avvenimenti li se jsiru f’Misraħ il-Ħelsien, quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta,  fid-9 ta’ Mejju, u fl-Università ta’ Malta nhar it-Tlieta 9 ta’ Mejju, l-Erbgħa 10 ta’ Mejju u l-Ġimgħa 12 ta’ Mejju bit-tnedija tal-inizjattiva ta’ bank Ewropew.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa 2023 jibdew f’Misraħ il-Ħelsien il-Belt Valletta fid-9:00am nhar it-Tlieta 9 ta’ Mejju bil-Wirja ta’ Jum l-Ewropa miftuħa għall-pubbliku.

F’din se jieħdu sehem l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, FONDI.eu, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea, Servizzi Ewropej Malta u c-centru Europe Direct Valletta, kif ukoll l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil, is-servizz Karrieri mal-UE, Servizzi Ewropej għall-Impjieg (EURES), SOLVIT Malta, iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi, l-Unità tal-Intitolament (MFH), l-EUPA (Europass), u MyScholarships.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew se jagħti rigali lil persuni li jieħdu ritratt bil-bandiera Ewropea u jtellgħuh fuq il-midja soċjali tagħhom.

Mid-9:15 sal-9:45am issir il-Konferenza Stampa ta’ Jum l-Ewropa, ukoll f’Misraħ il-Ħelsien. Din se tiġi indirizzata mis-Segretarju Parlamentari tal-Fondi tal-UE Chris Bonett, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Mario Sammut, il-kap tal-komunikazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea Mark Vella, u l-kap il-ġdid ta’ Servizzi Ewropej Malta Denise Fiorentino.

Il-kompetizzjoni tal-kwiżż ta’ Jum l-Ewropa se ssir mill-10:30am sa 12:00pm fuq il-palk ċentrali. Din is-sena se jieħdu sehem timijiet mill-Iskejjel Sekondarji ta’ Għawdex, il-Mosta, il-Ħandaq u Pembroke, il-Kulleġġi Santu Wistin u San Martin, l-Iskola St Joseph, u l-Iskola St Dorothy. Dawn l-iskejjel jieħdu sehem fil-programm tal-Iskejjel Ambaxxaturi Ewropej tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Il-Malta Visual and Performing Arts School ser tiftaħ u tagħlaq b’kunċert  mużikali l-programm ta’ Jum l-Ewropa fil-Belt Valletta, li jispiċċa fis-1:00pm.

Fil-Kampus tal-Università ta’ Malta fl-Imsida se jkun hemm programm ta’ ġurnata sħiħa fid-9 ta’ Mejju bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. JEF, l-għaqda tal-Federalisti Żgħażagħ Ewropej, u l-ESO, l-Organizzazzjoni tal-Istudji Ewropej, se jospitaw Villaġġ Ewropew inkluż il-Fiera tal-Ikel Ewropew tradizzjonali tagħhom. Din is-sena se jkun hemm ukoll Ħajt tal-Ħsibijiet, fejn l-istudenti se jkunu mħeġġa jiktbu l-ħsibijiet tagħhom dwar l-Ewropa u x’iħobbu u ma jħobbux dwarha, u x’inhuma t-tamiet tagħhom għall-UE. JEF u ESO qed jippjanaw ukoll li jagħmlu Vox Pops fuq l-istess mistoqsijiet matul il-ġimgħa.

Fl-10 ta’ Mejju bejn 12:00 u s-2:00pm, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Mario Sammut se jipparteċipa fid-dibattitu dwar X’tip ta’ Komunità Politika Ewropea teħtieġ l-Ewropa llum? Dan qed jigi organizzat mill-JEF u l-ESO u se jsir fis-Sala Francis Ebejer (LT 2) fl-Università ta’ Malta.

Fit-12 ta’ Mejju, il-JEF Malta se tniedi l-inizjattiva tal-Bank Ewropew flimkien mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta fil-Kampus tal-Università ta’ Malta fl-Imsida. Din il-kampanja bdiet fl-Italja wara li bank bil-bandiera tal-UE f’Lecco kien vandalizzat b’simboli Nazisti, li wassal għal rispons pubbliku li ġabar fondi mhux biss biex dan il-bank jitranġa, iżda biex bħalu jiġu stabbiliti 50 oħra madwar l-Italja.

Din l-inizjattiva issa waslet Malta bl-inawgurazzjoni ta’ l-ewwel bank fl-erja tal-Istudji Umanistiċi fil-kampus ta’ l-Imsida tal-Università ta’ Malta, bit-tir li jkun l-ewwel wieħed minn serje.