Lokali Qorti

Electrician jammetti li qarraq bil-klijenti biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga

Electrician tal-karozzi bi problema ta’ droga ngħata l-ħelsien mill-arrest, sakemm jingħata rapport ta’ qabel is-sentenza, wara li ammetta li qarraq fuq numru ta’ klijenti tiegħu billi żamm ħlas parzjali għal xogħol li naqas milli jwettaq, biex jiffinanzja l-vizzju tiegħu tal-crack cocaine.

L-imputat ta’ 25 sena, li ma jistax jissemma minħabba projbizzjoni ordnata mill-qorti, kien irreklama servizzi bħall-irfinar tal-karozzi, remapping, provvisti ta’ partijiet u tiswijiet oħra tal-elettriku. Diversi individwi kienu ressqu rapporti tal-pulizija fejn infurmaw lill-awtoritajiet li kienu ħallsu depożiti għas-servizzi u l-prodotti tal-elettriku, iżda qatt ma rċevew xi prodotti jew servizzi bi tpattija.

Sejħiet għan-numru tal-mobile tiegħu baqgħu mingħajr tweġiba, dawn qalu u kien se jbiddel ukoll in-numru tal-mobole tiegħu regolarment. L-Ispetturi Doriette Cuschieri u Jonathan Cassar akkużaw lir-resident Mellieħa b’diversi akkużi ta’ frodi u misapproprjazzjoni.

L-imputat ammetta l-akkużi. L-avukati difensuri Arthur Azzopardi u Jacob Magri talbu lill-Qorti tordna rapport ta’ qabel is-sentenza, li ssuġġerixxi li omm l-imputat tħallas lura lill-vittmi kollha fil-frattemp. Il-prosekuzzjoni qablet ma’ dan is-suġġeriment.

L-imputat kien diġà beda jindirizza l-problema tad-droga tiegħu waħdu, sostna l-Avukat Azzopardi, iżda żied jgħid li kemm l-imputat kif ukoll ommu, li kienet preżenti l-Qorti, riedu li jinżamm f’linja u sorveljat fit-tul mill-qorti. Il-prosekuzzjoni ddikjarat li ma kienet qed toġġezzjona għall-ebda waħda mit-talbiet tad-difiża, fid-dawl tal-ammissjoni bikrija ta’ ħtija u l-intenzjoni ddikjarata li jitħallsu lura lill-vittmi.

Wara li ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-argumenti, il-Maġistrat Abigail Critien laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u imponiet ordni temporanja ta’ superviżjoni fuq l-imputat għat-tul tal-proċeduri kriminali kontrih. Inħarġet ukoll projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-konvenut, wara ż-żewġ partijiet avviċina l-bank tal-Maġistrat u ddiskutew din il-kwistjoni fil-privat.

Il-Qorti ġiet infurmata li l-imputat ma setax jiddepożita l-karta tal-identità tiegħu fil-qorti, peress li kienet “inqabdet mill-awtoritajiet Irlandiżi”. “Qed inkun ‘nice’ ħafna hawn,” irrimarkat il-Maġistrat hekk kif tat lir-raġel il-libertà proviżorja, sakemm jitlesta r-rapport, kontra depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.