Lokali Parlament

Il-bini fejn miet Jean Paul Sofia kien qed isir b’mod illegali fuq art tal-gvern

Rebekah Borg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet fil-parlament li jirriżulta li l-bini f’Kordin li kkrolla u taħtu miet Jean Paul Sofia kien qed jinbena b’mod illegali għaliex kien hemm nuqqasijiet fil-proċessi.

Rebekah Borg qalet li l-Awtorità tal-Artijiet għandha diversi nuqqasijiet dwar kif tamministra l-art u sostniet l-aktar inkwetanti hi n-nuqqas ta’ informazzjoni li għandha l-Awtorità fi ħdanha.

In-nies għandhom dritt ikunu jafu x’qed isir bl-art pubblika, qalet id-deputat Nazzjonalista, li sostniet li l-aġenda għal-laqgħat tal-Bord tal-Awtorità qed tinbagħat ġurnata biss qabel il-laqgħat. Hi sosntiet li l-Awtorità saret rubber stamp u kompliet li bħala membru fil-Bord hi ma tafx x’qed jiġri għaliex lilha qed juruha biss dak li jrid il-Ministru.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li bħala membru tal-Bord f’isem l-Oppożizzjoni, kienet għamlet talba biex tara file ta’ negozju li kien fl-aħbarijiet iżda dakinhar stess, iċ-Chairman tal-Lands, waqqfilha l-aċċess għall-files tal-Awtorità, ħlief għall-files li jkun hemm fuq l-aġenda tal-laqgħat.

Rebekah Borg sostniet li l-Awtorità ma tridx li l-infomazzjoni toħroġ fil-pubbliku u qalet li lilha juruha biss kuntratti ridotti. Hi qalet li l-CEO kien qallha li se kollha l-opportunità tarhom iżda ma kienx hemm iktar dettalji. Is-segretezza hi wkoll fil-mod kif l-art qed tingħata lill-privat flimkien mal-użu u l-prezz. Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-informazzjoni dwar l-art pubblika m’għandhiex tkun moħbija mill-pubbiku.

Dwar Kemmuna, hi staqsiet għaliex l-Awtorità iffirmat kuntratt mal-MTA biex jitpoġġew id-deck chairs fil-Bajja ta’ Kemmuna u biex dawn ikunu amministrati mill-MTA. L-istess fuq il-lidos tal-Armier, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li staqsiet ukoll dwar f’hix wasal il-proġett tal-White Rocks.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet il-Forti ta’ Bengħajsa u qalet li anki dwar din il-forti mhux tingħata informazzjoni. Din il-forti għadha kontrollata minn terzi u mhux mifhum għaliex il-gvern ma jagħtix l-informazzjoni dwarha. Hi semmiet Forti Binġemma u qalet li wasal iż-żmien li l-Awtorità tieħu kontroll u li l-propjetà tal-pubblika tingħata lura lill-pubbliku.

Dwar il-ġnien pubbliku fil-Gżira, Rebekah Borg qalet li kien hemm min ried jieħu dan il-ġnien biex issir petrol station u sostniet li l-gvern falla milli joħloq bilanċ bejn spazju miftuħ u l-aspett kummerċjali. Il-gvern mexa bil-ħabi anki f’dn il-każ għaliex lanqas il-kunsill lokali ma kien informat.

Rebekah Borg qalet li mhux minnu li l-PN jopponi kull għotja lill-privat u sostniet li l-PN jinsisti li l-pubbliku jkun rispettat. Dwar ix-Chalet hi qalet li l-art ingħatat qabel l-art ħarġet mid-dominju pubbliku.

Hi semmiet il-każ tal-Vitals u qalet li l-qorti sostniet li ma saret ebda valutazzjon tal-artijiet li ngħataw għaliex kollox kien maħdum minn qabel. Kien hemm serq ta’ €1 miljun ieħor fuq il-kirja tal-artijiet.

Rebekah Borg semmiet l-imwejjed u s-siġġijiet li jitpoġġew barra l-operaturi kummerċjali u qalet li hemm ilmenti li mhux qed isir kontroll mill-gvern tant li hemm abbużi mill-operaturi f’kull lokalità. Hi qalet li l-Awtorità tal-Artijiet għandha responsabbiltà għaliex dawn qed jitpoġġew fuq art pubblika; l-operaturi qed joperaw b’impunità għad-detriment tar-residenti.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li hi mhix kontra li jitpoġġew siġġijiet u mwejjed barra iżda dawn iridu jkunu skont ir-regoli. Mhux isir l-infurzar biżżejjed, sostniet Rebekah Borg, li semmiet il-każ ta’ Kordin fejn miet Jean Paul Sofia. F’Kordin il-bini kien qed isir fuq propjetà tal-gvern u kien hemm kuntratt a’ Matthew Schembri li kien f’kuntratt max-xufier tal-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Artijiet.

Hi qalet li l-bini kien qed isir illegalment għaliex kull bini li jkun qed titwaqqa’ għandha bżonn commencment notice mill-BCA. Il-perit irid jagħmel method statement dwar kif isir ix-xogħol u jitpoġġa online. Hi qalet li hi ma rat l-ebda dokumentazzjoni u għalhekk ix-xogħlijiet kienu qed isiru llegalment; issa omm Jean Paul Sofia trid biss tkun taf il-verità.

Dwar ir-rapport tal-Bord tal-Awtorità hi staqsiet kif intefqu iktar minn €1 miljun fil-legal and professional fees. Hi qalet li kien hemm offerta għal servizz legali biex l-avukati jiffurmaw parti mit-team tal-Awtortà. Kien hemm kumpanija li tefgħet offerta ta’ tindif li kien biss wara l-proċess li l-kumpanija ma kinitx tal-avukati iżda tat-tindif. Id-Dipatiment tal-Kuntratti ma ffirmax il-kuntratt ma’ din il-kumpanija tat-tindif, li oġġezzjonat fejn sostniet li l-proċess kellu jkun kanċellat għal kulħadd. Il-President tal-PL l-avukat Ramona Attard ġġieldet din il-kawża. Id-deputat Nazzjonalista kompliet li għandu jkun hemm spjega ċara għaliex il-kuntratt kien ikkanċellat.