Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern ma jafx kemm hemm bżonn latrini pubbliċi f’kull lokalità

Imħabbra l-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali 2023 – 2030

Ebda fondi allokati fis-sustanza għall-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex; għajr dħul ta’ persentaġġ mid-dħul ta’ attivitajiet li joħolqu inkonvenjent fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Hija din waħda mill-proposti mressqa fil-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali sas-sena 2030 fejn il-Kunsilli Ingħataw iċ-ċertezza li jekk jinħoloq xi inkonvenjent waqt attività bħal tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet minn stabbilimenti kummerċjali jew guest houses, dawn iridu jikkontribwixxu lura lill-lokalità li joperaw minnha.

Ingħad ukoll f’din l-istrateġija li prattikament se jkunu qed jitnaqsu l-ħaddiema li jaħdmu mal-Kunsill Lokali. Dan hekk kif filwaqt li l-Gvern wara 10 snin ammetta li għad m’għandux idea kemm hemm bżonn ta’ latrini pubbliċi f’kull lokalità….u qal li għadu se jikkonsulta, sussegwentament il-Gvern qal li jrid li jaqleb il-latrini għal dawk awtomatiċi. Dan bil-kunċett ta’ mobile toilets li jitnaddfu waħidhom, b’mod awtomatiku.

Ġie propost ukoll li peress li l-uffiċini u l-impjegati tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali ma jkunux aċċessibli l-ħin kollu biex iwieġbu lir-residenti….jiġi introdott ChatBot, li jkun jista’ jwieġeb lir-resident dwar il-ħidma tal-Gvern Lokali mingħajr il-ħtieġa ta’ bniedem.

Rigward is-sigurtà fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex intqal li se jiġi żgurat li l-inizjattiva tal-Pulizija tal-Komunità tkun estiża għal-lokalitajiet oħrajn u li għandu jkollha r-riżorsi meħtieġa sabiex jitħaddem b’effiċjenza. Dan minkejja li huwa fatt magħruf li l-Korp tal-Pulizija qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi kbar ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani, tant hu hekk li saħansitra diversi lokalitajiet qed jispiċċaw bl-għasses magħluqin. 

U minkejja l-appelli saħansitra tal-Partit Nazzjonalista biex il-lokalitajiet tagħna jkunu aktar siguri, biex jingħataw aktar fondi lill-Kunsilli Lokali u jkollhom aktar awtonomija mill-Gvern Ċentrali – jidher li kollox mistenni jibqa’ prattikament fi status quo.

Dan hekk kif li mhux talli ma kisbu ebda awtonomija talli saħansitra ċ-ċelebrazzjonijiet għat-30 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, mwaqqfa minn Gvern Nazzjonalista fl-1993, se jkunu mmexxija mill-Kumitat Organizzattiv mmexxi miċ-Chairperson Aaron Zahra – l-Assistent Personali tal-Prim Ministru Robert Abela.