Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-kapitali Kiev u bliet oħra mill-ġdid mira għall-missili

Ir-Russja wettqet mewġa oħra ta’ attakki fuq  il-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna b’numru ta’ bliet iġarrbu mill-ġdid il-qilla tal-Armata tal-Kremlin li ilha għaddejja bl-invażjoni tal-artijiet Ukreni għal kważi sena u nofs.

Fl-aħħar sigħat, instemgħu sensiela ta’ splużjonijiet fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, u fost rapporti li numru ta’ nies indarbu mid-debris tad-drones li niżel direttament għal fuq l-ibliet.

Filwaqt li din kienet ir-raba’ darba fi tmient ijiem li Kiev spiċċa attakkat, l-isplużjonijiet instemgħu wkoll fl-ibliet ta’ Kharkiv, Kherson, Odesa u Mykolaiv – bir-Russja, għada, tiċċelebra Jum ir-Rebħa li tfakkar it-trijonf fuq il-Ġermanja Nażista matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Hu minnu wkoll li l-President Russu Vladimir Putin u l-ogħla ġerarkija fil-Kremlin qed jippruvaw jiġbdu paraguni bejn l-iżviluppi tat-Tieni Gwerra u l-invażjoni tal-Ukrajna….Invażjoni karatterizzata mill-offensivi regolari fuq il-familji u l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà fid-diversi bliet Ukreni.

Fil-fatt, it-Tmexxija f’Moska, fl-aħħar ġimgħa, intensifikat ir-rejds tal-ajru fuq l-Ukrajna, fost stennija li l-qawwiet Ukreni, min ħin għall-ieħor, iwettqu kontra-attakk kbir bil-ħsieb li jkeċċu lill-militar Russu miz-zoni tal-Ukrajna kontrollati minnu.

Dan ukoll meta l-qawwiet Ukreni mistennija jikkonċentraw l-attakk kbir fuq numru ta’ inħawi fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia, fil-lbiċ tal-Ukrajna – u meta din l-offensiva kapaċi anki sseħħ matul din il-ġimgħa.

Fl-aħħar sigħat, il-militar tal-Ukrajna qal li r-rejds fuq l-ibliet ta’ pajjiżu – li damu aktar minn erba’ sigħat – irriżultaw f’xita oħra ta’ missili għal fuq il-miri madwar il-pajjiż u fejn spikkaw ukoll l-għexieren tal-attakki mill-ajru fuq l-ibliet u l-pożizzjonijiet tal-militar Ukren.

Ingħad ukoll li l-Ukreni rnexxielhom jeqirdu viċin l-40 drone tat-tip Shahed li l-Iran ipprovdiet lir-Russja għal din il-gwerra – bil-fdalijiet ta’ xi drones jinżlu anki fuq mitjar fl-ajruport internazzjonali ta’ Zhuliany li hu wieħed miż-żewġ ajruporti kummerċjali fi Kiev.

Fl-istess ħin, diversi ċivili ndarbu meta t-tifrik ta’ drone  laqat bini residenzjali fid-distrett ta’ Shevchenkivskyi fil-kapitali Ukrena.

Sadanittant, il-belt tal-port ta’ Odesa, fl-aħħar sigħat, ukoll spiċċat mira għall-missili tar-Russi u bir-riżultat li xi nies – x’aktarx li residenti – spiċċaw irrappurtati neqsin. Dan fost rapporti ta’ bumbardamenti oħra fuq il-belt ta’ Orikhiv.