Lokali

Il-Ministru JoEtienne Abela ma jgħid xejn dwar il-miljuni li nsterqu

Din kienet ir-reazzjoni tal-Ministru għall-Anzjanità Attiva JoEtienne Abela, meta t-Tnejn wara nofsinhar, Net News staqsih dwar il-fatt li issa għaddew xahrejn u nofs mis-sentenza tal-Qorti li ddikjarat l-konċessjoni tat-tliet sptarijiet li kellu l-Gvern ta’ Abela ma’ Vitals u Steward bħala frawdolenti – iżda xorta, għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni sabiex il-flus li nsterqu minn dan id-deal jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-frodi li saru bil-kuntratt tat-tliet sptarijiet sewa lill-poplu Malti u Ghawdxi xejn anqas minn 400 miljun ewro, iżda quddiem dan kollu …. il-Prim Ministru Robert Abela għadu jkaxkar saqajh u għadu sal-lum jirrezisti li jiftah kawża sabiex il-poplu jieħu lura l-miljuni li nsterqu. Bil-Ministri tiegħu ukoll jaħarbu d-domandi.

Dan il-kuntratt frawdolenti ħalla dejn finanzjarju kbir fis-settur tas-saħħa ta’ pajjiżna. Dan apparti li s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei kulma jmur qiegħda tiddeterjora, b’diversi pazjenti fil-kurituri, swali mimlija bl-istretchers, mobile toilets li qed jintużaw bħala showers u pressjoni kbira fuq l-Emerġenza.

Net News ilu ġimgħat sħaħ jirrapporta u jitfa’ dawl fuq dak li qed jiġri f’Mater Dei, b’detriment mhux biss għall-pazjenti infushom iżda anke għat-tobba u l-infermieri li jaħdmu fl-isptar .. bil-Gvern ta’ Robert Abela minflok jieħu azzjoni sabiex il-flus li nsterqu mid-deal tat-tliet sptarijiet jinġibu lura lill-poplu… qiegħed jibqà jinjora dawn il-problemi serji li qed jikbru ma’ kull ġurnata li tgħaddi.