Lokali

Il-Ministru tal-finanzi sieket dwar Steward u dwar l-Air Malta

Il-Ministru responsabbli mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi, il-Ministru li suppost in-nefqa tal-Gvern minn bwiet il-familji Maltin u Għawdxin tgħaddi kollha minn taħt il-barka tiegħu…m’għandux idea meta u kif se nieħdu lura l-mijiet tal-miljuni ta’ ewro mgħotija lil Vitals u Steward f’kuntratti kkundannati mill-Qorti bħala frawdolenti.

It-Tnejn waranofsinhar Net News staqsa lill-Ministru Clyde Caruana meta l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qiegħed jieħu flusu lura mid-deals tat-tlett sptarijiet….b’Caruana jagħżel biss li jfarfar.

Inevitabbilment il-Ministru Clyde Caruana kien mistoqsi anke dwar is-sitwazzjoni tal-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta.

F’baraxx ta’ domandi li sarulu mill-ġurnalisti preżenti rigward dan is-suġġett, partikolarment wara li tlett ġimgħat ilu ċ-Chairmain Eżekuttiv David Curmi…qal li din se tagħlaq il-bibien tagħha sal-aħħar tas-sena, Caruana insista li t-taħdidiet għadhom għaddejjin mal-Kummissjoni Ewropea iżda fl-ebda mument ma ċaħad li sal-bidu tas-sena l-ġdida pajjiżna se jkollu linja tal-ajru ġdida.

Net News staqsieh dwar x’għandu xi jgħid lill-ħaddiema tal-Air Malta u lill-familji tagħhom li jinsabu nkwetati ferm…mhux biss dwar x’se jsir minnhom iżda dwar il-ftehmiet kollettivi li għandhom…bil-Ministru jibqa’ jinsisti…li ma jgħid xejn.

Iżda b’mod mill-aktar ironiku, wara li minn madwar elf impjegat mal-Air Malta Caruana niżżel l-ammont ta’ staff għal ftit ‘il fuq minn 300…b’dawk li fadal ma jafux x’se jsir minnhom…issa qed jgħid li l-Gvern ta’ Robert Abela ma rema lil ħadd.

Intant, il-Ministru Caruana spjegalna li minn flotta ta’ 8 ajruplani, tnejn minnhom jinsabu għat-tiswija….u għalhekk qed jagħmlu użu minn xi ajruplani tal-kiri…li, fi kliemu, qed jagħti x’jifhem li m’humiex l-aqwa li hawn fis-suq.

Dan filwaqt illi żvela li għandna sa Lulju nesġerjenzaw inkonvenjenti u dewmien fl-iskeda tal-linja nazzjonali.