Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jippreżenta denunzja biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil kulmin kien involut fid-deal tal-isptarijiet

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dalgħodu ppreżentaw denunzja biex il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa jinvestiga dak li ħareġ mill-Qorti, minn rapporti uffiċjali oħrajn u mill-media dwar l-għoti ta’ tliet sptarijiet tal-pubbliku lill-barranin.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti enfasizzat it-tħassib tagħha jekk persuni responsabbli mill-Awtoritajiet Governattivi setgħux qatt jidħlu għall-obbligi li kellhom. Anke l-Awditur Ġenerali kien iddikjara li dan kien deal suspettuż.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil dawk li, bl-għemil u l-azzjoniet tagħhom, influwenzaw lil persuni dwar dan id-deal frawdolenti.

Il-persuni jinkludi dawk imsemmija fil-ftehim u li jista’ jkun li b’għemilhom wettqu forma ta’ kompromess, fosthom Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Chris Fearne, Robert Abela, Chris Cardona, Keith Schembri, Edward Scicluna, Clyde Caruana, Ram Tumuluri, Armin Ernst u lil Vitals u Steward.

Id-denunzja ġiet imfassla mid-Deputati Karol Aquilina u Joe Giglio.