“Il-Pulizija għandha d-dmir li tinvestiga indipendentament dan il-każ…m’għandhiex għalfejn tistenna l-Maġistrat tlesti xi inkjesta sabiex tinvestiga”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervent li għamel fil-programm Net Live it-Tnejn filgħaxija wara li aktar kmieni filgħodu hu, flimkien mad-Deputat Adrian Delia, ippreżentaw denunzja lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex jibda jinvestiga persuni b’rabta mad-deals frawdolenti tat-tliet sptarijiet.
Huwa insista li s-saga ta’ Vitals u Steward, “l-akbar frodi li qatt seħħ f’pajjiżna”, issa ilu għaddej ‘il fuq minn 8 snin u għalkemm l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma għamlu xejn qabel is-sentenza tal-Inkjesta – Bernard Grech sostna li l-PN pretenda li wara li ngħatat is-sentenza tal-Qorti kienu se jaraw xi riżultati.
Madanakollu s’issa ma nbdew ebda investigazzjonijiet.
Għaldaqstant Bernard Grech saħaq li t-Tnejn filgħodu ppreżentawlu wkoll dokumenti essenzjali sabiex Angelo Gafà jkun jista’ jibda l-investigazzjonijiet meħtieġa.
//= $special ?>