Żewġ vannijiet li ntużaw biex jinħataf Carlos Schembri, ‘panel beater’ li allegatament inġarr barra l-garaxx tiegħu fir-Rabat f’Jannar tas-sena l-oħra, huma propjetà ta’ Joseph Camenzuli, eks fotografu uffiċjali tal-Partit Laburista kif ukoll eks fotografu tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Kuntistabbli Dwayne Guntrip qal quddiem il-Maġistrat Monica Vella li xhur wara l-allegat ħtif hu kien akkumpanja lil Carlos Schembri f’għalqa f’Bengħajsa fejn kien hemm żewġ vannijiet li l-allegat vittma qallu li kien qed jagħraf bħala dawk li kienu ntużaw fil-ħtif tiegħu. L-uffiċjal tal-Pulizija qal li Joe Camenzuli kien wasal fl-għalqa u qal li l-vannijiet kienu tiegħu. Huwa kien qal ukoll lill-pulizija li kien kiseb l-għalqa “minn xi ħadd li kien jaf.”
Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni ta’ sitt irġiel, Christian Borg, Tyson Grech, Luke John Milton, Thorne Mangion, Burton Azzopardi u Jeremy Borg li jinsabu akkużati bil-ħtif u l-attakk ta’ Schembri, fejn allegatament kienu heddewh ukoll li jaqtgħulu subgħajh u li jistupraw lil oħtu.
Il-grupp ta’ sitta kienu waddbu lil Schembri ġo vann abjad Renault u saqu bih lejn Raħal Ġdid fejn ittrasferiewh għal vann blu Mercedes Sprinter, u interrogawh tul it-triq kollha dwar l-involviment suspettat tiegħu f’serq ta’ vetturi. Schembri kein qal lill-pulizija kif ingħata bil- ponn minn dawk li ħatfuh u li ħadulu wkoll il-mobile.
Fl-aħħar kien irnexxielu jaħrab meta l-grupp waqaf għall-fjuwil f’pompa tal-petrol tal-Fgura. Fil-Qorti ħareġ li kien disa’ xhur wara Schembri kien lemaħ il-vannijiet li kien twaddab fihom.. Xehdet ukoll Ruth Schembri, omm l-allegat vittma li qalet li fil-21 ta’ Jannar 2022, binha kien inħataf barra l-garaxx tiegħu fi Triq it-Taghbija, ir-Rabat.
Spjegat kif fit-28 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, binha kien ċempel fuq il-post tax-xogħol tagħha f’Ħal Far u talabha biex tiċċekkja żewġ vetturi li kien lemaħ f’għalqa f’Birżebbuġa. “Nemmen li dawk kienu l-vannijiet li tpoġġejt fihom,” kien qalilha Carlos, b’referenza għall-ħtif ta’ Jannar.
Ommu marret fl-għalqa ġewwa Bengħajsa fejn rat iż-żewġ vannijiet. Kien hemm ukoll dgħajsa. Hija ħadet ritratti u ffilmjat il-vetturi u bagħtet il-filmati lil binha li kkonferma, “iva, huma huma.” Ommu qaltlu biex jistennieha Raħal Ġdid biex flimkien jagħmlu rapport tal-pulizija.
Imbagħad il-Pulizija akkumpanjat lill-allegat vittma fl-għalqa fejn indika ż-żewġ vannijiet, it-tnejn mingħajr pjanċi. Il-mudell Sprinter ta’ lewn blue kellu daqqa fuq in-naħa tal-passiġġier. Infetaħ u ġie ċċekkjat minn tim forensiku. Il-vann abjad kien imsakkar u għalhekk ġie ssiġillat u għadu hekk sal-lum.
L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Roderick Attard ippreżenta ritratti tal-vetturi li ġew irmunkati sal-compound tal-pulizija. L-Uffiċjal ieħor tal-Pulizija li dakinhar akkumpanja lil Schembri fl-għalqa kien mistoqsi jekk iċċekkjax min hu sid l-għalqa u kien f’dan il-ħin li Camenzuli qallu li din kien “iddubbaha” u li l-vannijiet huma tiegħu.
Ta’ min isemmi li diġa rriżulta li kumpaniji li jappartjenu lill-irġiel tal-hekk imsejħa ‘gang abduction’ bidlu d-diretturi fi sforz biex jevitaw effett li jispiċċaw mill-lista s-sewda tagħhom fuq kuntratti pubbliċi li jrendu. Christian Borg, l-azzjonist ewlieni tal-grupp ta’ kumpaniji Princess, akkużat b’involviment dirett fil-ħtif u l-attakk ta’ raġel, kien ikkonċeda l-kariga tiegħu ta’ Direttur tal-kumpanija tiegħu Princess Operations lil Joseph Camenzuli. L-ewwel xhud kien l-Ispettur Roderick Attard li ppreżenta ritratti tal-vetturi li ġew irmunkati mill-pulizija. Il-każ ikompli fit-8 ta’ Ġunju 9.45 am.