Lokali

“Imwaħħla fit-traffiku għax spiċċajna b’lane waħda”

Evidenti l-frustrazzjoni tas-sewwieqa li kuljum – iżda fi tmiem il-ġimgħa b’mod partikolari – qed jispiċċaw jeħlu fit-traffiku għal ħin twil waqt li miċ-Ċirkewwa jkunu sejrin fid-direzzjoni tal-Mellieħa. Dan wara li l-Gvern baqa’ għaddej bil-pjan tiegħu li jaqleb it-traffiku kollu fuq lane waħda – xi ħaġa li qed tiġi esperjenzata anke bħalissa, minkejja li x-xogħlijiet fl-Għadira għadhom mhux lesti.

Meta dan il-proġett ikun konkluż, fid-direzzjoni tal-Mellieħa l-karozzi se jkunu kollha fuq karreġjata waħda; it-tul kollu tal-Għadira.

Din is-sitwazzjoni diġa’ ġabet kritika qawwija, bl-Assocjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu tfakkar li din hija l-unika triq li tgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta u allura mhuwiex biżejjed li triq bħal din ikollha karreġġjata waħda biss.

Il-Partit Nazzjonalista minn naħa tiegħu sostna li t-tnaqqis ta’ korsija għall-karozzi fit-triq tal-Għadira ma tagħmilx ġid lin-nies, iżda se tkun ta’ xkiel ieħor għall-mijiet ta’ ħaddiema li jaqsmu lejn Malta, u se żżid mal-ħafna traffiku li diġà jeżisti.

Il-Ħadd filgħaxija, kienu bosta dawk li kkummentaw fuq il-media soċjali u qalu li din hija froġa oħra tal-Ministru tat-Traffiku Aaron Farrugia. Uħud qalu fil-kummenti tagħhom li dan spiċċa proġett tal-mistħija, b’oħrajn jirreferu għall-ippjanar tal-bigilla minn naħa tal-Gvern.

Kien hemm anke familji li spjegaw kif qattgħu nofs siegħa sħiħa biex għaddew mit-triq tal-Għadira, filwaqt li ħaddiema Għawdxin illi ikkummentaw fuq Facebook qalu li dan il-proġett huwa diżastru assolut fil-mod kif sar.