Il-qawwiet tar-Russja li ilhom mis-sajf iwettqu offensiva kbira fuq il-belt Ukrena ta’ Bakhmut fl-aħħar sigħat dehru aktar iddisprati għal suċċess militari rari waqt l-invażjoni tal-Ukrajna — u fost it-tħejjijiet għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Rebħa f’Moska.
Il-bumbardamenti fuq Bakhmut ( fil-lvant tal-Ukrajna) żdiedu fl-aħħar sigħat, bl-Armata tar-Russja u l-merċenarji tal-grupp Wagner, alleati ta’ Moska, jinsistu bl-attakki fuq id-distretti tal-belt fejn għad hemm reżistenza qalbiena mill-ġellieda Ukreni.
Il-belt ta’ Bakhmut, fil-verità, ftit għandha valur strateġiku u qed jidher li l-merċenarji tal-Wagner – wara li kienu heddew li jirtiraw mill-inħawi – għandhom ikomplu jappoġġjaw lill-militar ta’ Moska fl-inħawi wara li kienu mwiegħda aktar provvisti ta’ munizzjon mingħand il-Ministeru tad-Difiża f’’Moska.
Il-Kap tal-Wagner, Yevgeny Prigozhin, qabel, kien ikkundanna lill-Kremlin dwar nuqqas ta’ munizzjon u tagħmir militari meħtieġ biex il-ġellieda tiegħu jkomplu bl-offensiva fuq Bakhmut.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ħabbar li l-ġurnata ta’ għada, id-9 ta’ Mejju, minn issa ‘il quddiem, għandha tkun iċċelebrata bħala Jum l-Ewropa – b’dan il-kumment qed jidher bħala ċanfira ċara lil Vladimir Putin. Zelensky qal li hu, issa, iffirma digriet biex il-jum partikolari jfakkar l-għaqda fost l-Ewropej u d-disfatta għall-politika tar-Russja li fissirha bħala waħda ‘faxxista’.
//= $special ?>