It-timijiet tar-Relay Maltin komplew bit-tħejjija tagħhom għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa meta fi tmiem il-ġimgħa kellhom prestazzjoni tajba waqt Meeting Internazzjonali f’Firenze.
It-tim tan-nisa kellu wirja mill-aqwa u kompla juri l-progress li qed jagħmel meta kiseb it-tieni rekord nazzjonali dan l-istaġun. Il-kwartett Malti ta’ Claire Azzopardi, Janet Richard, Carla Scicluna u Charlotte Wingfield temm it-tellieqa f’44.98s, biex tejjeb b’0.39sec ir-rekord preċedenti stabbilit fl-iStadium tal-Marsa x-xahar li għadda u 1.26 sekondi mir-rekord li kien sar dan iż-żmien is-sena li għaddiet. Huma kienu qed jikkompetu kontra t-timijiet Taljani tar-relay u klassifikaw fit-tieni post wara l-ewwel tim Taljan li qed ifittex kwalifikazzjoni għall-Kampjonat tad-Dinja.
L-irġiel ukoll kellhom wirja tajba u Beppe Grillo, Graham Pellegrini, Gaetano di Franco u Luke Bezzina, f’tellieqa kontra ċ-Ċampjins Olimpiċi Taljani tar-relay, kif ukoll it-Tim B, l-Under 20 u atleti Taljani oħrajn ta’ livell, temmew f’ħin ta’ 40.62s. Dan kien l-aqwa ħin qatt reġistrat minn tim rappreżentattiv Malti, iżda mhux meqjus bħala rekord minħabba li l-atleta di Franco mhux ta’ nazzjonalità Maltija. Madankollu, peress li r-regoli tal-GSSE jippermettu li atleti li jkunu għal żmien twil residenti f’pajjiż jieħdu sehem, huwa jista’ jintagħżel mat-tim li jirrappreżenta lill-pajjiżna fil-Logħob.
L-istess atleti issa se jivvjaġġaw lejn il-faċilitajiet ta’ taħriġ f’Formia fejn se jkomplu t-tħejjijiet tagħhom għall-erbat ijiem li ġejjin.
L-atleti Maltin huma akkumpanjati mill-kowċis Rebecca Sare’ (tim tan-nisa) u Karl Farrugia (tim tal-irġiel) bid-delegazzjoni mmexxija mid-Direttur Tekniku Mario Bonello assistit mill-konsulent tat-tim Nazzjonali Taljan Antonio Laguardia and l-Performance Data Analyst, Brenda Muscat.
Din il-kompetizzjoni u l-kamp ta’ taħriġ huma appoġġjati minn SportMalta, i-National Development and Social Fund, il-Kumitat Olimpiku Malti u Athletics Malta.
//= $special ?>