Internazzjonali

L-Iran: Mogħtija l-forka għad-‘desekrazzjoni tal-Islam’

L-Awtoritajiet Iżlamiċi tal-Iran taw il-forka lil żewġ irġiel akkużati dwar ‘il-ħruq tal-ktieb tal-Koran’ kif ukoll dwar ‘insulti lill-Profeta Mohammed, il-fundatur tal-Islam’. Dan wara li ż-żewġ ikkundannati kienu għamlu żmien miżmuma f’iżolament u anki miċħuda għal xhur mir-rappreżentanza legali.

Yousef Mehrad u Sadrollah Fazeli-Zare kienu arrestati fl-2020 u bil-Ġudikatura Iranjana takkużahom bħala l-moħħ wara l-firxa ta’ informazzjoni fuq il-media soċjali li jingħad kienet ‘iddedikata għall-ateiżmu u desekrazzjoni tal-Islam’.

Sadanittant, avukat li kien provdut fl-aħħarnett għad-difiża ta’ Mehdad insista li l-klijent tiegħu kien innoċenti – waqt li l-attivisti favur id-drittijiet umani kundannaw l-esekuzzjonijiet bħala ‘att vendikattiv u krudili min-naħa ta’ reġim medjevali’.

Filwaqt li fl-Iran, bħalissa, għaddejja spinta ta’ esekuzzjonijiet hu pjuttost rari li xi ħadd jingħata l-forka għall-blasfemija f’dan il-pajjiż fundamentalista.