Lokali

Qatt m’aċċettajna donazzjoni mingħand persuni li konna nafu li qed jixtru ċ-ċittadinanza – Repubblika

Repubblika qatt m’aċċettat donazzjoni mingħand xi ħadd li konna nafu li kien qed jixtri ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna. Min jgħid il-kuntrarju jkun qed jigdeb, f’attentat biex jiskredita l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Dan stqarritu l-għaqda Repubblika fi stqarrija li ħarġet it-Tnejn filgħodu. Repubblika qalet li qed tirreferi għar-rapport fil-gazzetta ’Illum’ tal-Ħadd bit-titlu “Jaċċettaw donazzjoni minn dawk li xtraw iċ-ċittadinanza minkejja li kontrihom”, liema artiklu saret referenza għalih minn servizz qarrieqi tal-One News.


Repubblika tiddikjara dawn il-fatti:

  1. Repubblika, kif stqarret diversi drabi, hi kontra li barranin jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija billi jixtruha. 
  2. Repubblika ma taf li rċeviet ebda donazzjoni mingħand xi ħadd li xtara jew li kien qed jixtri ċ-ċittadinanza Maltija, u ħadd li qatt ta donazzjoni lil Repubblika ma qalilna li kien qed jixtri ċ-ċittadinanza Maltija.
  3. Hu il-gvern li jobbliga lil min japplika jixtri ċ-ċittadinanza Maltija li jiddikjara li ta donazzjoni lil organizzazzjonijiet Maltin.
  4. Repubblika qatt ma ġiet informata li xi ħadd iddikjara li taha donazzjoni bħala parti mill-applikazzjoni tiegħu taċ-ċittadinanza.


Repubblika ser jiktbu lill-Ministru responsabbli biex jinfurmaha min iddikjara li tahom donazzjoni biex jixtri ċ-ċittadinanza Maltija, ħalli meta jivverifikaw li rċevew l-flus mingħandu, ituhomlu lura.


Fl-istqarrija Repubblika saħqet “Ma rridu li jkollna xejn x’naqsmu mal-bejgħ infami taċ-ċittadinanzna tagħna.


Ilbieraħ stess bgħatna r-reazzjoni tagħna lil One News u tlabna li dik tinqara fl-aħbarijiet tal-istess stazzjon, pero’ One News żied gidba ġdida fuq dak li kien diġa’ qal b’mod qarrieqi billi poġġa ta’ taħt fuq ir-reazzjoni tagħna.”