Carl Vella Petroni ta’ 41 sena, residenti l-Manikata inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li nhar is-Sibt għall-ħabta tas-5.45am ikkawża qtil involontarju ta’ żewġ ċittadini Pakistani rġiel li kienu fuq mutur. Vella Petroni li qal li jaħdem bħala ‘Logitic Manager ġie mixli wkoll li kien qed isuq karozza Smart taħt l-influwenza tax-xorb u droga, li kien qed isuq bla liċenzja u polza tas-sigurtà u li sar reċidiv.
Vella Petroni wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġubin kontroh f’inċident ikraħ li seħħ fi Triq Żejfa meta seħħet il-ħabta bejn vettura u l-mutur li fuqu kien hemm iż-żewġ vittmi ta’ 41 u 33 sena rispettivament. Ir-raġel ta’ 33 sena kien ġie ċċertifikat mejjet fil-post, bil-vittma l-ieħor imut hekk kif wasal l-isptar Mater Dei b’ambulanza. Anke l-akkużat ittieħed l-isptar.
L-Avukat Charles Mercieca għamel talba għall-ħelsien mill-arrest li sabet oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Godwin Scerri. Il-Qorti qalet li minħabba n-natura tal-każ u l-fatt għad jridu jixhdu xhieda mportanti pajżana fil-każ u anke għall-fatt li diġa’ l-akkużat kien wettaq reati ta’ ċertu portata fq sewqan it-talba kienet miċħuda.
Id-difiża qalet li missier l-akkużat li kien preżenti fl-awla li lest li jagħmel garanzija għal ibnu u li kien lest li joqgħod għal kull kundizzjoni ordnata mill-Qorti. Ingħad ukoll li dan mhux reat fuq piena li jwassal għal għomor il-ħabs u mhux xi delitt fil-konfront tas-sigurta tal-Gvern.
“Kull bniedem mixli b’delitt għandu jingħata l-pleġġ u dan anki meta ngħata il-‘police bail;, qagħad għall-kundizzjonijiet kollha mitluba. L-Avukat Merceica qal li dan mhux każ ta’ vjolenza domestika. Fil-bidu tas-seduta l-Avukat Mercieca iċċità ħafna minn dak il-liġi fuq il-legalita tal-arrest.
Tenna li m’għandux informazzjoni fuq il-validità tal-arrest. L-informazzjoni li għandu aċċess il-prosekutur għandha jkollha aċċess għaliha id-difiża., kompla jgħid Il-Maġistrat qalet lill-avukat li dan huwa każ li seħħ nhar is-Sibt u għalhekk żgur li l-inkjesta Maġisterjali għada għaddejja.
L-Avukat qal li għandu nuqqas ta’ materjal neċċessarju sabiex ikunu f’pożizzjoni fuq l-legalità tal-arrest skont il-liġi skont id-direttiva Ewropea u għalhekk id-difiża mhux f’pożizzjoni li twieġeb għad-domanda tal-Qorti u titlob li jiġi kkunsidrat dan il-verbal bħala talba għall-artikoli tal-liġi. Tenna wkoll iżda li d-dokumenti li kellu l-Ispettur għaddihomlu.
L-Ispettur Scerri qal li l-imputat kien Mater Dei u ngħata l-police bail għall-ħabta tas-7pm bil-kundizzjoni li jirraporta l-Għassa tal-Mosta fl-10.30am. “Ġie discharged wara l-10.30am u mera sirna nafu dan intalab li jmur l-Għassa kif fil-fatt li għamel. Il-Qorti qalet li qed tifhem hawn li d-difiża qed tikkontesta l-validità tal-arrest.
L-Ispettur Godwin Scerri li ressaq lil Vella Petroni qal li huwa lest li jgħid għaliex l-akkużat ġie arrestat l-ewwel darba. “mhinex nikkonesta l-validità ta’ l-arrest u lanqas nikkonferma”, wieġeb l-Avukat Mercieca u tenna li kull ma kien qed jagħmel hu li jikkowota l-liġi fejn semma’ każ tal-2016.
L-Ispettur Scerri qal li t-talba għal aktar informazzjoni jrid jagħmilha lill-Maġistrat Inkwerenti u mhux lilu. Qal li hu tah li kellu dak kollu disponibbli. L-Avukat Mercieca mbgħad iddikjara li fuq talba tiegħu stess lill-uffiċjal prosekutur għad-disclosure, l-istess uffiċjal għaddielu fost oħrajn: l-istqarrija tal-imputat, l-irċevuta dwar il-mobile tiegħu, ċertifikat mediku tas-suspettat u discharge letter minn mater dei, kopji fuq breathyliser. Għandu fej joqgħod u lest li joqgħod għal ordni ta’ superviżjoni u lest li joqgħod għall-kundizzjonijiet kollha tal-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni hawn qalet li jekk jingħata l-pleġġ il-garanzija personali u depożitu għandhom ikunu qawwijin u anke jiffirma kuljum l-Għassa tal-Qawra u jingħata curfew xieraq. “L-akkużat fil-ħin li seħħ l-inċident kien pożittiv tad-droga u hu jaħdem fl-industrija tal-mużika u għalhekk hemm ukoll din il-biża: qal il-prosekutur.
L-Ispettur Scerri qal li dak li wassal għall-arrest tal-imputat m’għandux x’jaqsam xejn u mhux marbut ma’ ebda informazzjoni li tista’ toħroġ jew li tinsab fl-inkjesta Maġisterjali. L-arrest tal-imputat seħħ wara li l-Pulizija li kienet fuq il-lok tal-inċident indunat li l-imputat kellu riħa ta’ alkoħol ħierġa minn imnifsejh.
Dak is-suspett raġonevoli li kellhom l-uffiċjali fuq il-post kien biżżejjed sabiex jitqiegħed taħt arrest u tiskatta l-investigazzjoni kontra tiegħu. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li minbarra lista ta’ evidenza msemmija mid-difiża, l-Pulizija b’mod verbali għaddiet ukoll l-informazzjoni kollha dwar id-dinamika tal-inċident u tikkonferma li l-istess talba li qiegħed jagħmel l-Avukat Mercieca saret ukoll lill-Pulizija u s’intendi hija għaddietha dak il-ħin.
L-Avukat Mercieca qal li jrid jiġi relevat ukoll li disclosure verbali bħal ma semma l-prosekutur ma tissodisfax i-rekwiżiti tal-Artiklu 5 u 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, fejn ġiet ikkwotata sentenza ta’ persuna kontra l-istat tal-Litwanja. Huwa qal fil-każ tad-disclosure minkejja li addottajna l-liġi Ingliża, ma nimxux magħha.
Il-Qorti wara li semgħet lill-partijiet jitrattaw dwar il-validita tal-arrest jew le u wara li qieset li l-inkjesta Maġisterjali kondotta mill-Maġistrat Inkwerenti differenti qalet li l-arrest inkwistjoni kien wieħed validu u għalhekk tikkonvalidah.