Futbol Sport

Rebħiet kruċjali għal Everton u Nott. Forest…ikompli jikber il-periklu għal Leicester u Southampton

Everton taw l-aqwa wirja tal-istaġun fejn, barra minn darhom, ġabu assolutament fix-xejn lil Brighton and Hove Albion bħalma jindika l-iskor finali inkredibbli ta’ 5-1. It-Toffees kienu kliniċi ħafna quddiem il-lasta ta’ Jason Steele fejn operaw diversi kontra-attakki effettivi u b’din ir-rebħa huma ħarġu miz-zona l-ħamra tal-klassifika fejn komplew iżidu l-gwaj għal Leicester u Leeds United.

Din it-telfa kbira – u xejn mistennija – tappnet l-entużjażmu tas-Seagulls wara r-rebħa drammatika ta’ jiem ilu fuq Manchester United, iżda huma xorta għandhom ċans li jikkwalifikaw għall-Ewropa meta huma jinsabu fis-seba’ post – seba’ punti wara Liverpool (il-ħames fil-klassifika) iżda b’żewġ logħbiet anqas. Everton damu biss 34 sekonda biex jiftħu l-iskor meta Dominic Calvert-Lewin sab lil Abdoulaye Doucoure għal tap-in faċli – b’Doucoure jirdoppja man-nofs-siegħa b’volley preċiż fuq il-kross ta’ Dwight McNeil. It-Toffees baqgħu jinsistu u McNeil kien anki involut fit-tielet gowl tagħhom meta l-kross fil-baxx tiegħu spiċċa mdawwar għal ġewwa mill-gowlkipser Steele (35) għal awtogol klassiku.
It-tieni taqsima ma tantx ġabet fortuna lil Brighton li sabu ruħhom erba’ minn taħt meta McNeil (76) ġera għall-pass ta’ Iwobi fejn, b’finta, ħalla lil Steele u Dunk bilqiegħda, qabel xeħet f’xibka vojta.

Brighton imbagħad naqqsu d-distakk mill-midfielder Arġentin, MacAllister (79), wara taħwida quddiem il-lasta ta’ Pickford, iżda kienu Everton li siġillaw ir-rebħa bil-ħames gowl, skurjat fis-96 minn McNeil — bla dubju il-plejer tal-logħba.

Leicester City sofrew telfa, 3-5, kontra Fulham fi Craven Cottage li kompla jżidilhom il-pressjoni lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika u meta għad fadlilhom biss tliet logħbiet biex isalvaw l-istatus tagħhom fl-ogħla diviżjoni. Fil-fatt, il-Foxes – li kienu champions tal-Ingilterra fl-2016 – issa qegħdin iħarsu lejn żewġ logħbiet mill-aktar diffiċli kontra Liverpool u Newcastle United u bir-raġun qed iqisu d-disfatta ma’ Fulham ( li prattikament ma kellhom xejn għalxiex jilgħabu) bħala potenzjalment fatali, aktar ma tiħrax il-ġlieda għar-relegation mill-Premier Ingliż.

Il-bidu kien kollu ta’ Fulham u ma kenitx sorpriża meta huma kisbu l-vantaġġ wara biss għaxar minuti. Dan meta l-gowlkiper tal-Foxes, Iversen, ikkalkula ħażin id-direzzjoni tal-freekick ta’ Willian, bil-ballun jaħbat mal-art u minn fuq ras l-istess Iversen qabel spiċċa fix-xibka. Il-Foxes ma kellhomx risposta u Fulham malajr żiedu żewġ gowls oħra minn Carlos Vinicius (18) u Tom Cairney (44) li kumplikaw aktar il-ħajja għat-tim ta’ Dean Smith.

Il-logħba nfetħet aktar fit-tieni taqsima, b’Fulham jagħmluhom erba’ minn Cairney (51) qabel Harvey Barnes, nofs-siegħa mit-tmiem, naqqas id-distakk b’xutt qawwi mill-viċin.
Fis-66 minuta, Jamie Vardy tilef penalty għall-fawl ta’ Leno fuq Barnes, b’Willian jirristawra l-vantaġġ ta’ erba’ gowls għall-Cottagers wara li kkonkluda azzjoni personali b’xutt tremend għar-rokna tax-xibka. Fl-aħħar ħinijiet, Leicester City għamlu l-iskor xi ftit aktar rispettabbli, b’James Maddison jiskorja penalty ieħor – li ngħata għall-fawl ta’ Palhinha fuq is-sostitut Dewsbury-Hall. U minuta mit-tmiem wasal gowl ieħor għall-Foxes, skurjat minn Harvey Barnes għall-5-3 finali u li u kien ftit wisq u tard wisq għat-tim mill-East Midlands li issa żgur ma jaffordjax aktar telf ta’ punti fis-sitwazzjoni li jinsab fiha.

F’partita oħra mimlija gowls, fis-City Ground, Nottingham Forest kisbu rebħa importanti fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni meta f’konfront dirett għelbu lil Southampton bl-iskor ta’ 4-3, bis-Saints jidhru li fl-istaġun li ġej se jkun qed jilagħbu fiċ-Championship. Doppjeta ta’ Taiwo Awoniyi fl-ewwel 20 minuta tat vantaġġ doppju lit-tim ta’ Steve Cooper, b’Carlos Alcaraz inaqqas l-iskor għal Southampton. Forest reġaw fetħu vantaġġ doppju ftit qabel il-mistrieħ permezz ta’ penalty ta’ Morgan Gibbs-White. Fit-tieni taqsima, Southampton ħarġu fuq l-offensiva u naqsu l-iskor fil-51 minuta permezz ta’ Lynaco iżda minn kontrattakk veloċi kien Danilo li għamilhom 4-2.

Lejn it-tmiem, Nottingham Forest kellhom l-gowl ta’ Felipe mħassar bil-VAR. Southampton ingħataw penalty fl-94 minuta li minnu l-captain James Ward-Prowse ma żbaljax għal 4-3.