Skoċċiż ta’ 81 sena spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ t-taraġ fi Triq il-Mediterran, fil-Belt Valletta.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-14:15 tat-Tnejn waranofsinhar fiż-żona magħrufa bħala tal-Qanpiena meta għal xi raġuni l-anzjan waqa’ waqt li kien nieżel it-taraġ.
Fil-post ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi li ħa lill-barrani l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji.
Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Abigail Critien li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.