L-awtoritajiet federali f’Texas qed jinvestigaw jekk ir-raġel armat li qatel tmien persuni, inklużi tfal, waqt l-isparatura ta’ tmiem il-ġimgħa f’kumpless kummerċjali ta’ Texas setax kien konness mal-gruppi estremisti tal-lemin.
Dan meta l-aggressur – li spiċċa maqtul fuq il-post minn uffiċjal tal-pulizija – kien identifikat bħala Mauricio Garcia, ta’ 33 sena; bl-investigaturi fl-aħħar sigħat, jevalwaw l-opinjonijiet li r-raġel ħalla fuq il-media soċjali biex jaċċertaw mill-ideoloġija tiegħu u jekk setax kienx hemm skop ‘politiku’ għall-isparatura.
Meta eżaminaw il-katavru ta’ Garcia, il-pulizija raw li fuq ħwejġu kien hemm il-kliem RWDS li jfisser ‘Right Wing Death Squad’. Din il-frażi hi waħda popolari mal-estremisti tal-lemin u l-membri tal-gruppi supremaċisti tal-bojod.
Garcia, waqt l-isparatura, kien armat b’azzarin tat-tip AR-15 minbarra li liebes bi stil militari. Mhux eskluż, fl-istess ħin, li hu seta kellu xi kuntatti jew forma ta’ konnessjoni ma’ persuni ‘ultra-radikali’ qabel wettaq dan l-attakk.
Ħadd għadu ma jaf x’wassal biex Garcia jispara għal fuq in-nies fil-kumpless bl-isem Allen Premium Outlets, iżda qed jidher kważi ċert li l-aggressur ‘ma ried jaħfira lil ħadd li spiċċa quddiemu’. Hu minnu wkoll li numru ta’ persuni midruba fl-isparatura għadhom rikoverati l-isptar, b’uħud ikunu dikjarati bħala kritiċi.
//= $special ?>