Sport Sport Ieħor

Tennis: Alex De Gabriele jirbaħ il-Colonial Athletic Conference ma’ University of North Carolina Wilmington

Alex De Gabriele, wieħed mit-tennisti l-aktar promettenti ta’ pajjiżna li aktar kmieni din is-sena siefer ġewwa Wilmington, North Carolina fl-Istati Uniti sabiex isegwi program full time tat-tennis, rebaħ il-Colonial Athletic Conference (CAA) wara li t-tim li jilgħab miegħu, University of North Carolina Wilmington rebaħ il-finali tal-playoffs kontra r-rivali ta’ dawn l-aħħar snin Elon University bl-iskor ta’ 4-1.

De Gabriele, li għandu 18-il sena, kien strumentali għat-tim ta’ Wilmington, hekk kif spiċċa l-impenji tiegħu tar-regular season bl-iskor ta’ 11-4 fis-singles u 10-7 fid-doubles, waqt li rebaħ il-logħbiet kollha li ħa sehem fihom fil-post season.

Alex De Gabriele kien magħżul ukoll bħala finalist ‘newcomer of the season’ waqt li t-tim tiegħu gie nominat bħala ‘outstanding team of the year.’

F’kummenti li ta wara dan is-suċċess, De Gabriele qal li r-rebħ tal-kampjonat mat-tim ta’ Wilmington huwa indiskrivibli u li sar ħafna xogħol sabiex dan it-tim jerġa jirbaħ il-kampjonat wara li kien diġa rebħu fis-sentejn preċedenti. Huwa qal li issa t-tim qed iħares ‘il quddiem għall-NCAA Regionals Finals bit-tama u d-determinazzjoni li jiksbu riżultati tajbin.

Dwar il-futur tiegħu, De Gabriele qal li l-għan prinċipali tat-tim bla dubju huwa li sena oħra jerġgħu jirbħu l-kampjonat filwaqt li mill-att personali jixtieq li jirrapreżenta bl-aqwa mod possibli lil Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kif ukoll li Malta jirnexxielha żżomm il-kategorija fid-Davis Cup hekk kif is-sena li għaddiet ksibna promozzjoni storika. Huwa għamel aċċenn ukoll għax-xewqa li jkompli jaħdem sabiex jikseb riżultati pożiitivi fil-Pro Circuit tal-ITF, itejjeb il-Universal Tennis Ranking (UTR) u jikseb ranking ġewwa l-College Circuit tal-Istati Uniti.

De Gabriele, li ilu jgħix barra minn ta’ 14-il sena meta kien mar Sqallija jitħarreġ full-time, kellu kliem ta’ ringrazzjament għall-Malta Sports Scholarships Scheme fi ħdan il-MEDE Scholarships programme, li bis-sosten tagħhom kienet possibli li seta’ jmur l-Istati Uniti biex jipparteċipa fi ħdan il-program professjonali tat-tennis ġewwa Wilmington.