Futbol Sport

Żewġ protagonisti Maltin kontra xulxin fil-finali tan-National League f’Wembley nhar is-Sibt

Jodi Jones, plejer internazzjonali Malti u Justin Tellus eks player fil-Kampjonat Premier Malti ma’ Valletta u Birkirkara, se jiktbu l-istorja nhar is-Sibt meta se jkunu rivali ġewwa Wembley Stadium fil-finali mill-play-off tan-National League.

Jones, li jilgħab ma’ Notts County u Tellus li jmexxi l-akkademja ta’ Chesterfield , se jkunu avversarji fejn min jirbaħ jikseb postu fil-League 2 tal-kampjonat Ingliż l-istaġun li ġej.

Jodi Jones kien l-eroj għal Notts County hekk kif il-winger internazzjonali Malti skorja  għat-tim tiegħu fil-ħin barrani kontra Boreham Wood, il-Ħadd fil-partita tas-semi finali tal-playoffs.

Kien tmiem stupend għall-attakkant Malti li kien daħal bħala sostitut tard fil-partita fejn kien l-awtur tal-pass li minnu il-Magpies ġabu d-draw biex il-partita marret fil-ħin barrani qabel imbagħad skorja l-goal tar-rebħa f’partita li dehret li kienet sejra għal għoti tal-penalties. Għaldaqstant it-tim ta’ Jones dawwar telfa f’rebħa hekk kif  Boreham Wood kienu qed jirbħu bl-iskor ta’ 2-0.

Min-naħa l-oħra, l-eks futboler Malti Justin Tellus li f’Jannar tal-2022  nħatar Kap tar-Reklutaġġ u Uffiċjal tal-Iżvilupp tal-Akkademja ta’ Chesterfield FC, lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, ra lit-tim tiegħu jagħmilha għall-finali b’rebħa ta’ 3-2 ukoll fil-ħin barrani kontra Bromley.

Tellus ingħaqad bħala uffiċjal ma’ Chesterfield minn ma’ Leeds United fejn kien ilu jaħdem fl-irwol ta’ reklutaġġ u żvilupp. F’Elland Road, Tellus kien parti mit-tnedija u t-tmexxija ta’ ċentri ta’ boroż ta’ studju għall-iżvilupp tal-plejers ‘elite’ madwar ir-Renju Unit matul perjodu ta’ suċċess għal Leeds United.

L-eks plejer ta’ Valletta u Birkirkara kien ukoll maniġer tal-iżvilupp f’Matlock Town fejn matul perjodu ta’ erba’ snin, kien strumentali biex l-akkademja tagħhom tipproduċi ħames plejers li issa qed isegwu l-karriera tagħhom fil-logħba professjonali.

Il-finali tas-Sibt tan-National League, li huwa l-ħames skaluna tal-futbol Ingliż, se tibda fl-4.30pm ħin lokali.

Min jaf min se jirnexxielu jagħmilha?