Lokali Qorti

Disa’ immigranti jammettu li pprovaw jaħarbu minn ċentru ta’ detenzjoni – ieħor iwieġeb mhux ħati

Disa’ immigranti mill-Bangladexx ammettew li nhar il-Ħadd li għadda pprovaw jaħarbu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ġewwa Ħal Far. Ieħor iżda wieġeb mhux ħati bil-proċeduri fil-konfront tiegħu jkomplu meta tinstema’ kumpilazzjoni quddiem Maġistrat.

Il-grupp, ta’ immigranti li l-eta tagħhom tvarja bejn l-20 u s-37 sena, kien eskortati l-Qorti tard it-Tnejn filgħaxija lebsin tracksuits navy blue u maroon. Ftit ħarġu dettalji dwar l-inċident li seħħ għall-ħabta tal-10.45am anke jekk ħareġ li l-kien qed jilgħab partita futbol.

L-akkużati ttieħdu taħt il-kustodja tal-pulizija l-ħabs. Kollha ġew akkużati li ħarbu miċ-ċentru ta’ detenzjoni u li naqsu milli jobdu l-ordnijiet leġittimi ta’ uffiċjal tas-sigurtà. Megħjuna minn żewġ interpreti u l-avukat tal-għajnuna legali Sue Mercieca, disgħa mill-akkużati għollew idejhom meta mistoqsijin jekk xi ħadd minnhom kienx qed jammetti l-att kriminali. “Qed nitolbuk taħfrilna. Jiddispjaċina ħafna,” qalu ż-żgħażagħ waqt li indirizzaw lill-maġistrat Abigail Critien.

L-akbar wieħed fl-eta, nsista li huwa “m’għamel xejn ħażin” u b’hekk wieġeb mhux ħati. Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest fl-istadju tal-qorti. Meta għamlet sottomissjonijiet dwar il-piena fir-rigward ta’ dawk li kienu rreġistraw ammissjoni, l-Ispettur Doriette Cuschieri enfasizzat it-talba bikrija ta’ ħatja tagħhom u ssuġġeriet il-piena minima ta’ sitt xhur priġunerija effettiva.

L-Avukat Sue Mercieca irrimarkat li l-akkużati ikkoperaw bis-sħiħ mal-uffiċjali tad-detenzjoni li kienu ġabruhom barra miċ-ċentru ta’ Ħal Far. Wara li semgħet dawk is-sottomissjonijiet, Il-Maġistrat Critien, iddifferiet il-kawża għas-sentenza fir-rigward tad-disa’ żgħażagħ lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar.