Lokali Mużika

Illejla l-ewwel semifinali tal-Eurovision

Tibda l-ġimgħa tant mistennija minn bosta…spettaklu li jkun segwit minn diversi pajjiżi Ewropej u madwar id-dinja kollha, hekk kif it-Tlieta filgħaxija se ssir l-ewwel semifinali tal-Eurovision – bil-qofol jintlaħaq is-Sibt filgħaxija.

Fl-ewwel semifinali Malta se tkun qed tkanta fit-tieni post hekk kif l-ispettaklu se jingħata bidu permezz tal-kanzunetta tan-Norveġja ‘Queen of Kings’.

Pajjiżna, permezz ta’ The Busker, se jwassal il-kanzunetta Dance Our Own Party.

Din is-sena l-Eurovision Song Contest qed jitella f’Liverpool u s-serata li se tieħu sehem fiha Malta hija ferm diffiċli. Dan hekk kif pajjiżna se jkun qed jikkompeti ma’ pajjiżi li huma prevvisti li jikklassifikaw mal-ewwel 10.

F’din is-serata se tkun qed tieħu sehem ukoll l-Iżvezja; kanzunetta li ilha żmien twil imbassra li se tirbaħ.

Għall-Iżvezja se tkun qed terġa’ tieħu sehem il-kantanta Loreen bil-kanzunetta Tattoo; l-istess kantanta li rebħet il-Eurovision fl-2012 bil-kanzunetta Euphoria.

Il-website tal-betting qed jindikaw li l-kanzunetta Maltija difficli biex tgħaddi mis-semifinali tat-Tlieta filgħaxija. Iżda minkejja dawn il-previzjonijiet, il-grupp The Busker jinsab ottimist li jagħti spettaklu mill-aqwa hekk kif ilhom ġimgħat sħaħ jippreparaw għal dan l-avveniment uniku – u forsi, min jaf, ikunu kapaċi jegħlbu anke l-previżjonijiet tal-book makers.