Lokali

Ir-riforma li veru hemm bżonn għall-Gvernijiet Lokali baqgħet fuq l-ixkaffa – PN

Fi stqarrija li nħarġet mid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvernijiet Lokali u Amministrazzjon Pubblika, u l-President tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, kif ukoll min Charles Bonello, il-President tal-KKLPN intqal li b’reazzjoni għad-dokument ippubblikat mill-Gvern dwar il-“Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali”, il-Partit Nazzjonalista jistqarr li għalkemm kien hemm aspettativa u bżonn kbir għal riforma fil-Gvernijiet Lokali – il-Gvern xorta għażel li ma jindirizzax il-punti importanti ta’ diċentralizazzjoni u awtonomija tal-Gvernijiet Lokali li tant hemm bżonn.

Ninnutaw illi hemm similjanzi f’numru ta’ proposti fosthom il-mixja lejn l-użu tat-teknoloġija biex ikollna aċċessibilità aħjar mir-residenti għas-servizzi, tisbiħ fl-ambjent, mira li titnaqqas il-burokrazija fl-amministrazzjoni, u kif ukoll parteċipazzjoni aktar żgħażugħa fil-Gvernijiet Lokali – kif ukoll propost mill-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara illi filwaqt li hemm miżuri ġodda li huma tajbin u li hemm uħud minnhom li jimxu flimkien mal-viżjoni ppubblikata mill-Partit Nazzjonalista f’Diċembru 2022 fid-dokument bl-isem “Gvern Lokali ta’ Vera” – xorta waħda, hemm numru ta’ proposti ta’ sustanza li jindirizzaw ir-responsabbilitajiet, is-servizzi u l-effiċjenza tal-Gvernijiet Lokali li ġew injoranti mill-Gvern.

Hija ħasra li l-Gvern tilef opportunità oħra, wara li diġà tilef li jagħmel dan fl-aħħar riforma li saret fl-2018. Naqas milli jagħti lis-sistema li taħdem u li tindirizza l-bżonnijiet tal-lum biex ikollna gvernijiet lokali ta’ vera li jmexxu huma l-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li tħallew barra numru ta’ proposti mill-46 proposta li għamel, fosthom dik li jkollna sistema li trodd lura r-responsabbilitajiet li ttieħdu mill-Gvernijiet Lokali bħal infurzar, ippjanar, ġbir tal-iskart, immaniġġjar tat-traffiku, dwal tat-toroq, u t-tilqim kontra l-influwenza. Anzi hemm il-kontra, proposti li jikkonfermaw li dawn ir-responsabbiltajiet se jibqgħu mhux fis-saħħa tal-Gvernijiet Lokali. Proposti oħra bħal aġġornament fil-formula tal-finanzjament tal-Gvernijiet Lokali u Kunsilli Reġjonali, u aktar ħidma fis-sigurtà tal-lokalitajiet tagħna, u titjieb tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema mal-Gvernijiet Lokali tħallew barra. Ukoll, rajna li f’din il-viżjoni – hemm proposta waħda biss dwar is-sigurtà fit-toroq tagħna, meta l-Partit Nazzjonalista ddedika sezzjoni sħiħa dwar is-sigurtà. Fil-viżjoni tal-Gvern rajna wkoll proposti fl-arja dwar l-ambjent u xejn konkret, u xejn konkret ukoll dwar l-ippjanar – għal darb’oħra, il-kontra ta’ dak ippubblikat mill-Partit Nazzjonalista.

Fis-sena li qegħdin niċċelebraw it-30 sena ta’ Kunsilli Lokali u s-suppost avvanz tagħhom – qegħdin naraw it-tkomplija tat-tnaqqir tar-responsabbilitajiet mill-Gvern Ċentrali fil-lokalitajiet 30 sena wara. Il-Partit Nazzjonalista jinnota li din kienet aktar riforma kosmetika sena qabel l-elezzjoni li jmiss, milli riforma ta’ sustanza. Hemm nuqqas ta’ proposti konkreti, u numru ta’ proposti li huma vagi u fl-arja.

Fl-istess waqt, u b’referenza partikolari għall-proposta tal-Gvern dwar studju dwar mekkaniżmu li jwitti t-triq għal aktar rappreżentazzjoni wiesgħa fil-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jistenna li jkun jifforma parti mill-mejda tal-konsultazzjoni.

Għalhekk, u fuq nota aħħarija, il-Partit Nazzjonalista jikkonkludi li għal darb’oħra għandna konferma kemm għandna Gvern li ma jridx jagħti r-responsabbilitajiet lura lill-Gvernijiet Lokali.