Internazzjonali

Ir-Russja: Ċelebrat Jum ir-Rebħa, bid-dinja ‘f’salib it-toroq’

Il-President Russu Vladimir Putin insista li d-dinja tinsab f’salib it-toroq u li llum ir-Russja qed tkun suġġetta għal ‘vera gwerra qalila’ fil-konfront tagħha.

Putin kien qed jitkellem fil-jum – festa annwali – meta r-Russja tiċċelebra t-trijonf militari fuq il-Ġermanja Nażista ta’ Adolf Hitler matul it-Tieni Gwerra u meta hi kienet parti mill-Alleanza mmexxija mill-Britanniċi u l-Istati Uniti.

Intant, ‘Jum ir-Rebħa’, sinonima mal-identità tar-Russja, ma kellux l-istess pompa bħal tas-snin preċedenti, bl-organizzaturi tal-avvenimenti f’Moska iżommu lura minn xi manifestazzjonijiet pubbliċi fost tħassib dwar is-sigurtà.

Ir-Russja, fis-snin ta’ qabel, ma żammet lura qatt mid-dimsotrazzjonijiet tal-qawwa militari tagħha u ‘il-politika ta’ kawtela’ minn Moska, bla dubju, kien dovut għall-aħħar sensiela ta’ attakki li seħħew f’artha f’dawn il-ġimgħat.

Xi sorsi qalu wkoll li f’Moska kien hemm il-biża’ dwar sabutaġġ jew azzjoni ostili min-naħa tal-Ukrajna waqt din il-parata u li l-Kremlin ma kien se jieħu l-ebda ċans fiċ-ċirkustanzi. Dan meta l-Ukrajna qed tiċħad l-akkużi tar-Russi dwar ‘atti ripetuti ta’ sabutaġġ’ fir-Russja.

Min-naħa tiegħu, Vladimir Putin baqa’ ma esprimiex rimors għall-gwerra fl-Ukrajna, li ilha kważi sena u nofs u li ssarrfet fl-għexieren tal-eluf ta’ mejtin u midruba – fosthom familji innoċenti – mindu l-militar Russu invada l-artijiet Ukreni lejn l-aħħar ta’ Frar tal-2022.

Fil-fatt, Putin, mill-ġdid, ipprova jqabbel is-sitwazzjoni tat-Tieni Gwerra – meta l-eks Unjoni Sovjetika għenet fir-reżistenza kontra n-Nażiżmu —  ma dak li għaddej bħalissa fl-Ukrajna. Hawnhekk, il-President Russu enfasizza li pajjiżu, illum, ‘qed jiddefendi s-sovranità tiegħu’ u li t-taqbida kontra l-Ukrajna għandha titqies anki bħala waħda kontra ‘reġim Nażista’.

Fl-istess ħin – u f’rimarka partikularment sorprendenti – Vladimir Putin qal li r-Russja trid ‘futur karatterizzat mill-paċi’ waqt li, fl-istess ħin, akkuża lill-Punent b’li qed jiżra l-mibgħeda waqt li jipprova jferrex is-sentimenti ostili lejn pajjiżu.

Sigħat qabel iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Rebħa, ir-Russja wettqet aktar attakki mill-ajru fuq l-Ukrajna, bid-difiżi Ukreni jwaqqgħu kwantità ta’ missili cruise immirati lejn Kiev – u fejn ma rriżultaw l-ebda vittmi.