Lokali

Jikkonsla lin-nies għax pajjiżi oħra huma agħar

Fl-aħħar xhur kompliet tikber l-isfida tal-għoli tal-ħajja u taż-żieda fil-prezzijiet. Iżda skont Robert Abela u l-Ministri tal-Gvern… in-nies għandhom jikkonslaw għaliex f’pajjiżi oħra s-sitwazzjoni hi agħar minn Malta.

Ma’ Net News, il-Ministru JoEtienne Abela… li hu responsabbli mill-anzjani… qalilna li r-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna hija anqas minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Għalkemm baqa’ ma offra ebda soluzzjonijiet għall-familji u l-pensjonanti li mhux iwasslu sal-aħħar tax-xahar.

It-tweġiba tal-Ministru tal-Anzjani turi biċ-ċar li l-Gvern ta’ Abela qed jibqa’ jinjora din ir-realta tan-nies, u jikkonsla biss bil-fatt li hemm pajjiżi agħar minna.

Filwaqt li l-Gvern mhu joffri ebda soluzzjonijiet… il-PN ilu xhur li preżenta proposti biex b’mod konkret tittaffa d-daqqa fuq il-familji.

Fost l-oħrajn, il-PN qed jipproponi li l-allowance tal-COLA ma tkunx taxxabbli… li l-Gvern jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja… u li jinfetaħ Fond Nazzjonali annwali ta’ €40 miljun li jtaffi d-daqqa tal-importazzjoni.

Dan apparti li għandhom jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda, li joffru jobs ta’ kwalita b’pagi aħjar.