Lokali

Jinġabru flus sabiex il-katavri taż-żewġ irġiel li mietu f’inċident bil-mutur jintbagħtu l-Pakistan

Il-komunità Pakistana f’Malta qed tiġbor flus sabiex il-katavri taż-żewġ irġiel li mietu f’inċident bil-mutur is-Sibt li għadda, ikunu jistgħu jintbagħtu l-Pakistan.

Ali Abbas u Faizan Muhammad tilfu ħajjithom kmieni s-Sibt filgħodu fi Triq Żejfa l-Mosta meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn vettura tal-għamla Smart misjuqa minn raġel ta’ 41 sena mill-Mellieħa, u l-mutur li fuqu kien hemm iż-żewġ vittmi mill-Pakistani ta’ 41 u 33 sena rispettivament.

Il-vittma li miet fil-post instab wara ħajt tas-sejjiegħ, f’għalqa…biż-żarbun u wieħed mill-helmets f’distanza ‘l bogħod minnu. Dan filwaqt li l-mutur inqasam fi tnejn bis-saħħa tal-impatt.

Aktar tard, sfortunatament, ir-raġel li kien passiġġier fuq il-mutur tilef il-battalja mal-mewt kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab. Dan filwaqt li s-sewwieq tal-karozza sofra ġrieħi ħfief; għalkemm il-vettura wkoll – bħall-mutur – ġarrbet ħsarat estensivi.

Bis-sewwieq tal-karozza, Karl Vella Petroni ta’ 41 sena, residenti l-Manikata tressaqt il-Qorti lbieraħ fejn inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li kkawża l-qtil involontarju ta’ dawn iż-żewġ ċittadini Pakistani.

Membru mill-komunità Pakistana f’Malta qalilna li s’issa diġà nġabru madwar 12,000 ewro.

Abbas u Muhammed kienu mill-provinċja ta’ Punjab fil-Pakistan. Abbas kien missier ta’ tlett itfal fejn proprju kien għadu kemm irritorna Malta mill-Pakistan wara żjara lill-familjia. Huwa kien ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar sentejn.

Huwa mifhum li dak il-ħin tal-inċident, iż-żewġ irġiel kienu sejrin għax-xogħol f’fabbrika fir-Rabat.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-qraba tagħhom saru jafu bl-inċident permezz ta’ filmat li ttella’ fuq is-social media wara li ġew identifikati l-vittmi.