Lokali Qorti

Konfermata sentenza sospiża wara li abbuża u gidem lis-sieħba tiegħu

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ċaħdet appell ta’ raġel minn Naxxar li f’Ottubru li għadda nstab ħati li fl-2017 weġġa’ gravi lis-sieħba tiegħu u ngħata sentenza sospiża. Charles Zahra kien instab ħati wkoll mill-ewwel qorti t’attentat vjolenti fuq il-pudur tal-mara u kien intbagħat seba’ xhur ħabs sospiżi għal sena. 

Huwa kien ġie ordnat iħallas €530 fi spejjeż tal-Qorti u nħarġitlu wkoll ordni ta’ trażżin għal sentejn. Ir-reat ta’ seħħet fil-25 ta’ Mejju tal-2017 fi Triq il-Madonna tal-Ġebla, il-Gżira. Il-vittma qalet fil-qorti li l-aggressjoni seħħet wara argument bejn il-koppja u li Zahra ġibidha ‘l fuq fil-maisonette tagħhom, waddabha għal fuq is-sufan u abbużaha sesswalment. 

Il-mara qalet ukoll li wara dan kollu, gidimha fuq sidirha u li qabel ma ħareġ mid-dar taha daqqa b’lasta ta’ xkupa fuq żaqqha. Zahra qal li r-relazzjonu bejnu u l-vittma kienet ilha għaddejja għal madwar 20 sena magħha, u li ma qalitx mis-sewwa.

Qal li s-sieħba tiegħu qalet lill-Pulizija li huwa kien imbuttaha u ġibidha minn idha bis-selvaġġ meta fil-Qorti hija ma semmiet xejn minn dan kollu. Qal wkoll, li fil-każ kellhom jinstemgħu aktar xhieda fil-Qorti. Il-Qorti iżda ċaħdet l-appell u kkonferma s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.