Internazzjonali

L-Ukrajna: Żjara minn Von der Leyen biex tkompli tesprimi l-appoġġ tal-UE

Ukrainian President Volodymyr Zelenskyy, left, and European Commission President Ursula von der Leyen approach media before their press conference in Kyiv, Ukraine, Tuesday, May 9, 2023. (AP Photo/Efrem Lukatsky)

Il-ġurnata tallum hi ċelebrata bħala Jum l-Ewropa, bil-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, iżżur Kiev għal laqgħa mal-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Iż-żjara seħħet b’turija ta’ appoġġ lill-Ukrajna meta d-9 ta’ Mejju hu wkoll jum ta’ ċelebrazzjoni għall-paċi u l-għaqda fil-kontinent Ewropew,

Ursula von der Leyen, li, ma’ Zelensky,  indirizzat konferenza tal-aħbarijiet fil-kapitali Ukrena, fissret il-belt ta’ Kiev bħala  ‘il-polz iħabbat tal-valuri għeżież għall-Ewropej’. Dan waqt li l-President Ukren qal li pajjiżu qed juri li kapaċi jegħleb lir-Russi wara l-aħħar suċċessi militari kontra t-truppi tal-Kremlin.

Intant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea enfasizzat li l-Ukrajna qed tiġġieled proprja għall-ideali li l-Ewropa qed tiċċelebra llum filwaqt li diskutiet l-isforzi lejn sanzjonjiet ġodda fil-konfront tal-President tar-Russja u s-sostenituri tiegħu.

Von der Leyen spjegat li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel minn kollox possibbli biex tnaqqas ‘mill-magna tal-gwerra ta’ Putin u l-finanzi li teħtieġ biex tkompli għaddejja’ – bl-Unjoni qed tappoġġja wkoll l-isforzi lejn żieda fl-esportazzjoni tal-qmuħ mill-Ukrajna,.

Zelensky, imbagħad, tkellem dwar il-ħtieġa li l-munizzjon jasal aktar malajr lill-Ukreni mingħand l-UE biex huma jirreżistu aħjar lill-għadu.

Fl-istess ħin, hu esprima x-xewqa ta’ pajjiżu jissieħeb fl-Unjoni, fost il-kummnent li l-paċi fl-Ewropa tintlaħaq biss permezz tal-għaqda. Dan waqt li l-Mexxej Ukren saħaq li l-Ewropa hi kontinent li jibbaża fuq prinċipji ta’ rispett u mhux politika aggressiva għall-kontroll tal-Istati.