Lokali

L-Unjoni Ewropea hija ta’ valur – il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

F’Jum l-Ewropa — jum ta’ simboliżmu, tal-istorja u tal-futur, nilqgħu lill-Bundeskanzler tal-Ġermanja, Olaf Scholz.

Il-paċi dinjija ma tistax tiġi salvagwardjata mingħajr ma jsiru sforzi kreattivi proporzjonali mal-perikli li jhedduha” — hekk tibda d-Dikjarazzjoni ppreżentata minn Robert Schuman fid-9 ta’ Mejju 1950. Din hija verità anke llum.

Kull sena, f’dan il-jum, niċċelebraw l-Ewropa. Proġett mingħajr preċedent ta’ rikonċiljazzjoni fundamentalment ibbażat fuq is-solidarjetà. Proġett li jqarreb lin-nies mingħajr ma jipprova jagħmilna l-istess. Proġett li xegħel fjamma dawl li tgħaddi mill-purtieri tal-ħadid u mill-ħitan tal-konkrit.

Jum l-Ewropa jfakkarna f’dak li hu possibbli meta ningħaqdu flimkien u dwar ir-responsabbiltà li għandna li nibqgħu mixjin ’il quddiem.

Għad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, għall-Unjoni Ewropea tagħna, kien hemm bżonn kuraġġ. Il-bidla tirrikjedi kuraġġ.

L-Unjoni Ewropea mhix perfetta, naf li ħafna jħossu l-frustrazzjonijiet tagħna ma’ xi wħud mill-proċessi tagħna. Iżda l-pilastri fundamentali tat-tama, tal-possibbiltà, tal-libertà, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, jagħmlu dan il-proġett politiku uniku. Ma nistgħux nqisu dak li nemmnu fih, u dak li ksibna — u dak li għad irridu niksbu — bħala xi ħaġa akkwistata għal dejjem. Irridu nibqgħu nevolvu.

Il-progress Ewropew sar possibbli bis-saħħa ta’ soluzzjonijiet awdaċi. U se jkunu meħtieġa aktar soluzzjonijiet awdaċi biex nimxu ‘l quddiem.

Naf li nistgħu nserrħu fuq il-Ġermanja għal dan. Il-pajjiż tiegħek, għażiż Kanċillier, huwa Stat Membru, li juri impenn sod għat-titjib tal-Ewropa.

Allura ppermettili  nirringrazzjak għall-appoġġ tal-Ġermanja għall-Ukraina; għall-kontribut tal-Ġermanja għall-bini ta’ arkitettura ġdida tas-sigurtà tal-UE; għall-Ġermanja li timbotta teknoloġiji ġodda, għall-Ġermanja li tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, bħad-drittijiet tan-nisa u l-irġiel fl-Iran, u għal ħafna aktar.

Kanċillier inti għidt “Għandna kull raġuni biex inkunu aktar ottimisti dwar il-futur tagħna”. Dan huwa l-ispirtu li għandu jmexxina ‘l quddiem.

Irridu nirriformaw. Nantiċipaw il-bidla, mhux isofruha. Irridu nsibu dak il-kuraġġ li kien il-bażi tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman mill-ġdid. Irridu ngħinu biex dak d-dawl jibqa’ jiddi, u aktar.

Nafu li aħna tant aktar b’saħħitna, meta nkunu flimkien. U se nħarsu lejn il-Ġermanja — u lejn l-Istati Membri kollha — biex tgħinu fir-riforma u t-tħejjija tal-futur Ewropew tagħna.

L-Unjoni Ewropea hija ta’ valur. Din il-ħidma jistħoqq li ssir.

Viva l-Ewropa.