Internazzjonali

Medda ta’ Gaza: Il-militanti Palestinjani jaħilfu li jpattuha lil Iżrael wara l-aħħar rejds

Mietu talanqas 20 Palestinjan – fosthom tliet kmandanti ewlenin tal-grupp militanti Ġiħad Iżlamiku – wara li l-qawwiet ta’ Iżrael wettqu sensiela ta’ rejds tal-ajru fuq miri speċifiċi fil-Medda ta’ Gaza.

Sadanittant, l-awtoritajiet Palestinjani qalu li l-mejtin waqt ir-rejds kienu jinkludu anki n-nisa u t-tfal, b’numru ta’ nies jisfaw midruba.

Il-kelliema għall-qawwiet Iżraeljani, iżda, qalu li huma, waqt l-azzjonijiet, immiraw għall-militanti u ‘terroristi’ Palestinjani li kienu ta’ theddida imminenti għaċ-ċivili ta’ Iżrael.

Dan waqt li l-grupp Ġiħad Islamiku ħalef li ‘ipattiha bil-kbir’ lil Iżrael fil-jiem li ġejjin meta kollox jidher lest għal eskalazzjoni tal-vjolenza fir-reġjun. Fil-fatt, mistenni li l-militanti għandhom jirritaljaw minn ħin għall-ieħor permezz ta’ baraxx ġdid ta’ rokits lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Fil-fatt, l-uffiċjali Iżraeljani qed iħejju għal ‘perjodu ġdid ta’ gwerra’ u meta huma qalu li r-rejds fuq il-Ġiħad Islamiku kienu l-aktar azzjonijiet effettivi għal xhur fil-konfront tal-militanti Palestinjani.

L-aħħar attakki seħħew fis-sigħat bikrin tat-Tlieta meta madwar 40 ajruplan tal-gwerra u ħelikopters Iżraeljani ħadu sehem f’diversi azzjonijiet koordinati madwar Gaza – u fejn kienu sparati r-rokits lejn ir-residenzi u nħawi indikati bħala bażijiet għall-militanti Palestinjani.

Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali tas-saħħa Palestinjani qed jakkużaw lill-Iżraeljani dwar azzjonijiet indiskriminattivi u li fihom, skont huma, mietu talanqas erbat itfal, b’oħrajn jispiċċaw l-isptar f’kundizzjoni kritika.

Intant, il-Brigati tal-al-Quds – il-fergħa militari tal-Ġiħad Iżlamiku – ikkonfermat il-qtil ta’ tliet kmandanti tagħha u meta fl-attakki nqerdu wkoll il-familji ta’ dawn il-kapijiet militanti. Il-kelliema għall-al-Quds, fl-istess ħin, qalu li se jpattuha lill-Iżraeljani u li r-reżistenza għal Iżrael se tkompli minn Gaza.

Il-Ġiħad Iżlamiku jibqa’ l-akbar grupp ta’ militanti f’Gaza wara l-moviment Iżlamiku Hamas li jikkontrolla t-territorju – u fejn, ful is-snin, wettaq l-isparaturi tar-rokits regolari lejn Iżrael.