Ellie Briffa ta’ 29 sena mill-Mosta li għandha problema akuta ta’ droga kellha s-sentenza tagħha ta’ sitt xhur ħabs mibdula f’waħda ta’ ordni ta’ probation għal sentejn wara li l-Qorti tal-Appell qieset il-fatt li issa bis-serjetà qed tagħmel minn kollox biex tindirizza l-problema li għandha.
Briffa kisret dufrejha mal-liġi diversi drabi fuq reati diversi, fosthom serq minħabba l-vizzju tad-droga. Il-każ fejn fih ġie ikkundannata sitt xhur ħabs imur lura għad-29 ta’ Mejju 2015. Dan meta għall-ħabta tat-2.45pm f’Carmel Street, Birkirkara seħħer ġlieda fejn kien hemm involuti Briffa u Lineker David Micallef u l-vittmi Georgina u Amy Micallef.
Filwaqt li Georgina Micallef sofriet ġrieħi ta’ natura gravi, Amy Micallef sofriet ġrieħi ta’ natura ħafifa. Fl-appell tagħha
r-rikors kien limitat għall-piena. Fih jingħad li ilha żmien twil tbati mid-dipendenza fuq id-droga kif turi l-kondotta tagħha.
Hija għamlet riferenza għall-ġlieda u tgħid li din il-ġlieda ma kinitx każ iżolat iżda tilwina kerha bejn żewġ familji. Saħqet li meta kienet qed tippreżenta l-appell, hija kienet waslet biex tħalli l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex tibda ssegwi programm ta’ riabilitazzjoni u li għaliha dan huwa importanti sabiex tkun tista’ tieħu ħsieb tat-tarbija tagħha.
Sostniet li mhux qed tgħid li l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti mhijiex skont il-liġi għalkemm tgħid li ġrieħi ta’ natura ħafifa waħedha iwasslu għal piena aktar baxxa. Hija tal-fehma li piena ta’ sitt xhur priġunerija effettivi ma tistax
tiqies bħala piena li tikkalibra sew dak li suppost tinbena fuqha piena penali, partikolarment l-effetti riformattivi ta’ piena bħal din.
Hija qalet li tħoss li qed tagħmel progress allavolja wara li ġara l-każ u wara s-sentenza tal-Ewwel Qorti u li dan il-progress jista’ jittieħed in konsiderazzjoni sabiex il-piena tkun waħda aktar kalibrata. Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri qalet li fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2020, il-Qorti tal-Maġistrati laqgħet it-talba tad-difiża sabiex isir rapport fir-rigward ta’ Briffa.
Fis-seduta tas-6 ta’ Lulju 2020, ul-konsulent legali tal-parte civile f’isem l-istess parte civile irrinunzjat għal dak
kollu li huwa rinunzjabbli. Fl-istess seduta, xehdet l-Uffiċjal tal-Probation Marilyn Formosa, fejn ippreżentat rapport fir-rigward ta’ Briffa.
Hija qalet li l-kondotta ta’ Briffa turi li l-każijiet kellhom x’jaqsmu mad-droga u li dakinhar li kienet qed tixhed, Briffa kienet qed tiskonta piena ta’ priġunerija ta’ 21 xahar u li kellha tispiċċa fl-1 ta’ Ġunju 2021. Qalet li fil-passat Briffa kellha diversi ċansijiet li tindirizza l-vizzju tad-droga iżda mhux dejjem kienet lesta li tagħmel dan.
Formosa qaler li fis-sena 2019, wara li ħarġet mill-ħabs, Briffa bdiet programm residenzjali tal-Caritas iżda ma
kinitx komplietu u li hija reġgħet trid tagħmel kuntatt mal-Aġenzija sabiex tagħmel il-programm matul is-sentenza ta’
priġunerija tagħha.
Tenniet li test meħud fl-4 ta’ Frar 2020 kien juri li Briffa kienet għadha qed tabbuża mis-sustanza tad-droga u li test li ttieħed fit-2 ta’ Mejju 2020 irriżulta fin-negattiv. Qalet ukoll li Briffa għandha għajnuna kemm minn psikologu kif ukoll mis-social workers.
Ix-xhud qalet li dan l-aħħar kien hemm progress u dan għaliex Briffa tixtieq li tkun tista’ tara t-tfal tagħha. Il-Qorti tal-Appell qalet li mill-atti proċesswali jirriżulta li Briffa għandha motiv kbir biex issegwi programm. Meħud dan in
konsiderazzjoni, inkluż il-fatt li l-parte civile rrinunzjaw għal dak kollu li huwa rinunzjabbli u stante r-rieda qawwija tal-mara, li tirriabilita ruħha minħabba li ma tridx tkun priva mill-aċċess għal uliedha, il-Qorti tal-Appell laqgħet l-appell ta’ Briffa.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti irriformat is-sentenza appellata fejn Briffa nstabet ħatja li kkaġunat biss ġrieħi ta’ natura ħafifa lil Georgina Micallef u Amy Micallef, li ħebbet għalihom u li kisret il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.L- Imħallef Camilleri hawn irrevoka dik il-parti tas-sentenza fejn Briffa ġiet ikkundannatha sitt xhur priġunerija u minflok poġġiha taħt Ordni ta’ Probation għal perjodu ta’ sentejn.
Matul il-perjodu ta’ Probation, hii trid toqgħod għall-ordnijiet kollha li tiġi mogħtija mill-Uffiċjal tal-Probation inkluż kull ordni sabiex jittieħdu testijiet dwar id-droga, għandha tattendi għall-appuntamenti mal-Uffiċjal tal-Probation u ma twettaqx reat ieħor matul il-perjodu ta’ Probation. B’dan illi jekk Briffa tikser xi kondizzjoni tal-Probation hija tista’ tkun denunzjata u jittieħdu proċeduri kontra tagħha u jekk tinstab ħatja tista’ tkun ikkundannatha għas-sentenza li kienet ingħatat qabel


