Erba’ irġiel li ilhom għaddejjin proċeduri fil-Qorti sa mill-2015 ġew immultati aktar minn €25-il miljun u kundannati 12-il sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja fuq serq ta’ container mill-Freeport li kien qed iġorr aktar minn 10 miljun sigarett. Għaldaqstant ġew immultati €6,686,055.18ċ kull wieħed.
Malcolm Zammit ta’ 43 minn Ħal Qormi impjegat fit-trasport u li saq it-trailor inkwistjoni ġie kundannat tliet snin ħabs filwaqt li l-uffiċjal tas-sigurtà Christopher Calleja ta’ 59 sena mill-Belt ġie kundannat erba’ snin. Dwar dan il-każ Sebastian Zammit, li llum għandu 68 sena minn Ħal Safi u b’esperjenza kbira fil-gates tal-portijiet ġie kundannat tliet snin ħabs u l-impjegat tal-Malta Freeport Roderick Borg ta’ 40 sena, minn Ħal Qormi, sentejn ħabs.
Malcolm Zammit u Christopher Calleja ġew proċessati flimkien u apparti ġew proċessati flimkien Sebastian Zammit u Roderick Borg. Minn dawn it-termini ta’ priġunerija għandu jitnaqqas iż-żmien li l-imputati għamlu taħt arrest preventiv in konnessjoni ma dan il-każ.
Huma nstabu ħatja li f’Birzebbuġa, fix-xahar ta’ Awwissu 2015, flimkien ma persuni oħra, irrendew lilhom infushom kompliċi ta’ serq u għenu jew assistew lill-awtur jew lill-awturi tad-delitt f’ serq ta’ container mimli sigaretti. Instabu ħatja fuq l-involviment tagħhom f’serq ta’ 1050 master case sigaretti, li fihom kien hemm 10,500,000 sigarett, li kienu ġewwa dan il-container, liema serq huwa kkwalifikat bil-persuna, lok u valur.
Dawn is-sigaretti, li l-importazzjoni u l-pussess tagħhom huma projbiti u ristretti għandhom valur totali ta’ €304,500.00. Dazju tas-Sisa dovut ta’ €1,666,875.00, kif ukoll Dazju ta’ Importazzjoni u Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) li jammontaw għal €175,392.00 u €386,418.06 rispettivament, fejn liema dazji u t-taxxa dovuta fuqhom ma kienux imħallsa jew kawtelati.
L-irġiel kollha ffaċċjaw l-istess akkużi. Serq ta’ container mgħobbi b’10.5 miljun sigarett fis-7 ta’ Awwissu, 2015 u frodi għad dannu tal- Gvern minn €1.667 miljun f’sisa, €175,000 f’dazju fuq l-importazzjoni u €386,000 f’VAT, għal ċifra magħquda ta’ €2.23 miljun.
Il-container kien intbagħat Malta abbord il-bastiment merkantili Northern Jasper fl-24 ta’ Lulju 2015. Ġimagħtejn wara huwa rrappurtat li nħareġ mill-Port Ħieles, biex 90 minuta wara rritorna lura fil-post oriġinali tiegħu. Hu kien għadu bis-siġilli tas-sigurtà tad-Dipartiment tad-Dwana.
Karol Muscat, Deputy Senior Security Officer mal-Malta Freeport Corporation qal fil-Qorti li fis-7 t’Awissu, 2015 fis-Shift D kienu sittax il-ruħ, fosthom l-imputat Christopher Calleja. Is-senior tiegħu, Anthony Chetcuti informah li biddel lil Calleja minn fejn kien stazzjonat, fil-patrol van, fuq talba tal-istess Calleja għax kellu l-morliti.
Qal li l-proċedura mħaddma fil-Malta Freeport (MF), il-passi kollha li nqabżu mill-imputati biex setgħa jinħareġ il-container in kwistjoni minn ġewwa l-MF. Dwar il-proċedura qal li Lane 1: Container vojt tiftaħlu l-bieba biex jiġi aċċertat li tassew vojt. Tiġi scanned il-card tax-xufier u jinkitbu d-dettalji tal-pass, isem ix-xufier, numru tat-truck u tara li n-numru tal-container jaqbel.
Lane 2: minn fuq Lane 2 jidħlu vetturi u trakkijiet tal-kuntratturi. L-uffiċjal tas-sigurtà jieħu l-card tax-xufier, tiġi scanned, jara li taqbel u wara li jara għandux xi haġa x’jiddikjara, jdaħħlu. Lane 3: Jgħaddu wkoll vetturi u trakkijiet tal-kuntratturi kif ukoll containers vojta. Meta vettura tkun ħierġa s-security jieħu scan tal-card u jiftaħlu l-bagoll.
Bħala dettalji s-security għandu jieħu il-pass, jikteb isem ix-xufier u jiċċekkja li l-pass jaqbel mal-persuna. Jieħu wkoll in-numru tat-trakk. Vojt biss joħroġ minn fuq Lane 3. F’każ li container ikun ħiereġ, jeħodlu l-pass, jara li l-container jaqbel mal-pass u jekk hu vojt għandu jiftħu biex jaċċerta li hu vojt. Għandu jara li tad-Dwana ikun xhud miegħu x’ħin joħroġ il-container.
Lane 4: joħorġu containers mimlijin minn fejn hemm l-scanner. Minflok jinfetaħ il-container, jiġi ċċekkjat is-siġill.
Qal li hu għaraf lill-imputat Calleja bħala l-uffiċjal tas-sigurtà` li fir-ritratti esibiti deher iwaqqaf u jkellem lix-xufier tat-trailer. Mill-filmati murija lilu fl-ebda ħin ma jidher li ħa l-card tax-xufier biex tiġi scanned.
Iżda fir-rigward ta’ vetturi, trakkijiet u burdnara oħra li dehru ħierġin fil-filmati, għall-kuntrarju ta’ dak li seħħ mal-container in kwistjoni, Calleja mexa mal-proċedura w ħadilhom il-card u din ġiet scanned! Dan ġie konfermat mill-Qorti stess li eżaminat b’reqqa il-filmati esibiti.
Dwar il-vann li kien qed jinstaq wara l-container, jgħid li normalment jitħalla spazju ta’ xi metru sabiex il-bieba tal-container tkun tista’ tinfetaħ sabiex jiġi aċċertat li l-container ikun tassew vojt. Mill-filmat meħud minn naħa ta’ wara tal-container – kif anke juri il-filmat intestat “l-bieba ma dehritx tinfetah…suppost kull container li joħroġ irid tinfetahlu l-bieba u jiċċekkja ruħu ujaraw li hu battal, kompla jgħid ix-xhud.
Qal li ħadd ma’ qallu li hemm container li ma’ jistax jiftħu jew fih xi haġa.”Mill-filmat deher li wara li s-security għadda
minn ħdejn it-trakk Calleja daħal fil-kamra tiegħu bit-trakk joħroġ warajh “Dak it-trakk baqa’ ħiereġ mingħajr ma’ ġie ċċekkjat u skenjat, la x-xufier u la xejn”.
Kompla li fl-aħħar filmat li ġie muri jidher il-container reġa’ dieħel lura il-MF, bis-security li jdaħħlu jkun l-istess uffiċjal l-imputat Calleja fejn dan jidher jersaq lejn il-bieba, “Jiftaħha ftit, qisu pied, u jagħlaqha. Skond dak il-filmat, l-bieba nfethet ftit, “u aħna mitlubin biex il-bieba nifthuha aktar”, qal ix-xhud.
Muscat temm ix-xhieda tiegħu billi jsostni li milli ra mill-filmati Calleja naqas milli jimxi mal-proċeduri kollha w mhux xi waħda jew l-oħra u kellu jieħu ddettalji tat-trakk u ma hadhomx u jikteb isem u kunjom il-burdnar u ma tniżżlux. Lanqas ġie scanned il-pass kif kien dovut li jagħmel.
Dwar l-azzjoni żbrigattiva magħmulha minn Calleja hekk kif il-container iddaħħal lura, jingħad li l-Qorti kkonstatat kemm fil-fatt Calleja aġixxa b’ħarba! Deher biċ-ċar li Calleja bilkemm laħaq resaq viċin il-bieba li ma reġax dahar lura. Bil-mod kif tbexxqet il-bieba minn Calleja, il-viżwali setgħet kienet biss tar-rokna tat-tarf ta’ wara tal-container!
Qatt ma seta’ jiġi verifikat il-kontenut tiegħu bil-mod kif infetħet il-bieba fuq dan il-Qorti għandha ċertezza assoluta!! Il-filmat in kwistjoni – fil-ħin tal-14:30 u 59:18 tal-filmat – jneħħi kwalunkwe dubbji fir-rigward! Fil-kawża kontra Sebastian Zammit u Roderick Borg, l-Avukat Duncan Borg Myatt, Direttur HR Legal Insurance and Health Safety fil-Malta Freeport Terminals Limited, taha r-retroxena dwar dak li wassal sabiex isir irrapport lill-Pulizija.
Wara li Alex Montebello, Kap Eżekuttiv, informah li seta’ kien hemm container li nħareġ irregolarment mill-MF, inkariga lil IT section biex jaraw mis-CCTV footage il-movimenti tal-containers fil-ħruġ w dħul mill-Gate. Ġie nfurmat li kien hemm container partikolari li fis-7 t’Awissu, 2015, inħareġ mill-MF mhux skond is-sistemi u cioe` ma ġiex ċċekkjat mis-security u ħareġ mill-Lane tal-vojt meta skond ir-rekords kien mimli; tant li f’dan il-każ il-container kien dikjarat għal transhipment li jfisser li qatt ma kellu joħroġ mill-MF.
L-analiżi tal-filmat żvelat min kien l-operatur in kwistjoni. Spjega kif l-operatur ikun jaf fejn irid jiżvolġi xogħolu għaliex fuq jirċievi messaġġ mill-Control Tower tal-Head Office li jindikalu fejn irid imur u xi jrid jgħabbiu jħott u fejn hi l-pożizzjoni li jrid ipoġġi il-container.
Sar magħruf li dan kien qed jaħdem f’sezzjoni totalment differenti minn dik li kellu jkun qed jaħdem fiha: “li kien jinteressana kien li ghabba container li qatt ma kellu ordni, informazzjoni biex jgħabbi dak il-container. “Dan il-container partikolari qatt ma harget ordni mis-sistema taghna, qatt m’hu suppost ħareġ, u qatt m’hu suppost għabba.
“L-operatur impjegat tal-MF ġie identifikat mill-punch card number: “Kull operator ikollu PC number…rajna l-punch card number assenjat ma dik il-biċċa equipment, għax aħna kif jidħol impjegat u jippanċja u l-impjegat jiġi assenjat ma kull biċċa equipment, rajna li dak l-impjegat għamel log on u log off …. meta l-impjegat jippanċja toħroġlu chit fejn irid imur,”, qal ix-xhud.
Minflok protezzjoni – sfruttamenet u rgħiba
Il-pulizija qalet li l-kwalità tas-sigaretti maqbuda fl-operazzjoni nstabet li kienet baxxa ħafna. In konsiderazzjoni tal-piena l-Qorti qieset in-natura serjissima ta’ dawn ir-reati, reati li raw l-Erarju Malti jiġi misruq minn mijiet t’eluf kbar ta’ Ewro. Qieset l-irwol ta’ Calleja li bħala uffiċjal inkarigat mis-sigurtà tal-Freeport, minflok jipproteġi dak li kien dovut u mħallas biex iħares, sfrutta għal kollox il-fiduċja mposta fih għall-rgħiba u gwadann.
Calleja bla dubju kien l-uffiċjal li l-aktar ħadem u stinka biex din l-operazzjoni makakka w malinna tirnexxi. Naqas
intenzjonalment fid-doveri tiegħu kemm fid-dħul kif ukoll fil-ħruġ ta’ xejn anqas minn żewġ vetturi, it-trailer misjuq minn Zammit kif ukoll tal-van l-abjad li jappartjeni lill-istess familja tal-burdnar.
L-inizjattiva tiegħu hi notevoli kieku ma kienitx biex isir il-ħażin. Jidher kemm ippjana sew tant li anke mar l-Isptar
St. James jgħid li kien qed ibagħti mill-morliti. Ħa ħsieb l-inqas dettal. L-għemil persistenti kriminuz ta’ Calleja qed jiġi rifless fil-piena għaliex dan l-uffiċjal għamel l-almu tiegħu sabiex f’xejn anqas minn żewġ okkażjonijiet u fir-rigward ta’ żewġ vetturi serva taċ-ċavetta sabiex il-katnazz ta’ proċeduri ta’ sigurtà mħaddma fil-Freeport jingħelbu f’tebqa t’għajn!
Malcolm Zammit mill-banda l-oħra mhux talli ħareġ bil-container mimli sigaretti iżda saħansitra reġa’ daħal lura bil-container issa mimli knaten tal-ġebel; b’atteġġjament ta’ sfida u nuqqas assolut ta’ biża għall-konsegwenzi tal-għemil kriminali tiegħu. L-rwol tiegħu, bħal dak ta’ Calleja, kien mill-iktar strumentali biex seħħet din is-serqa.
Ġiet ikkunsidrata l-fedina penali tal-imputati minn fejn jirrizulta li mhumiex xi first-time offenders. Calleja fil-fatt kien ġa nstab ħati ta’ reati diversi u ma tgħallem xejn mil-opportunitajiet li ingħata. Ma jistax jonqos li jiġi kunsidrat ukoll kif sal-aħħar l-ebda wieħed mill-imputati, ma wera xi rimors għal dak li seħħ.
Ma ħabblux rashom għal fatt li minn dawk id-dazji w taxxi, li pparteċipaw bi sħiħ biex jiġu evażi, jintefqu mijiet inter alia f’assistenza soċjali, fil-qasam tassaħħa u bħala unemployment benefits għal min jixtieq li bħalhom kellu impjieg
jew jista’ jgħix hajja mhux dipendenti fuq għajnuna mill-Istat Malti!
Ġew ikkunsidrati wkoll c-ċirkostanzi kollha tal-każ mhux anqas tal-fatt li, kif spjega Attard, Malta ġa kellha tħallas ammonti kbar ta’ dazji dovuti lil Kummissjoni Ewropeja. Għalkemm ma jirriżultax li l-imputati huma ta’ xi periklu għas-soċjetà Maltija, il-Qorti hi fid-dmir li bis-sentenza tagħha tgħaddi messaġġ li għemil simili għandu jiġi kundannat bis-severità mistennija.
Aġir simili jimmina l-bżulija w l-onesta ta’ negozjanti li jagħżlu li jeżerċitaw innegozju tagħhom b’ħarsien tal-liġi, billi jħallsu d-dazji w taxxi dovuti lil Erarju. Irid jingħadda l-messaġġ li crime doesn’t pay! Kemm il-darba l-Istat ma jiġborx taxxi w dazji dovuti lilu, fl-aħħar mill-aħħar huma l-iktar vulnerabbli w dawk fil-bżonn ta’ assistenza soċjali, ta’ pensjoni, ta’ benefiċċji tal-mard li ser isofru l-konsegwenzi.
Il-Qorti qalet li f’xejn anqas minn żewġ okkażjonijiet Sebastian Zammit abdika mid-doveri tiegħu. Zammit l-uffiċjal b’tant snin esperjenza propju ma Gates tal-Portijiet f’Malta! Mhux sempliċiment ma vverifikax il-kontenut tal-container u cioe li kien tassew vojt, iżda lanqas biss rreġistrah kif kienet titlob il-proċedura li dakinhar jidher li adotta fil-każ ta’ inġenji oħra li għaddew milllanes li tagħhom kien responsabbli hu.
Il-filmat juri dan u ma jħalli ebda dubbju fir-rigwar d li l-Qorti ssib konvinzjoni, mhux anqas wara li semgħet ix-xiehda
mqanżħa w mħawwda tal-imputat Zammit, li dak li naqas li jagħmel kien għemil interament intenzjonat li sar konsapevolment.
In-nuqqas tiegħu kien volut mill-bidu sal-aħħar. Mhux talli ma għamilx żbalji, iżda ħadem il-biċċa xogħol bizzilla! Daqstant ieħor ħadem lill-sieħbu Delicata tant li minn fuq li dan ma ħasibihiex darbtejn biex għenu, ma ddarras xejn idaħħlu fl-xkora u jipprova jfarfar ir-responsabbiltà tiegħu fuqu.
Il-Qorti qalet ukoll li Sebastian Zammit aċċetta li jkun pedina importanti f’din l-operazzjoni li kienet animata w mfassla b’makkakerija liema bħala; anke jekk l-involviment tiegħu jista’ jagħti l-każ li ma seħħx mill-bidu nett, m’hemmx dubbju li fil-ħin kruċjali, essenzjali u kritiku tal-ħruġ tal-container meta kellhom isiru d-debiti verifiki mid-Dwana, hu kien fully on board w ipparteċipa konsapevolment fl-istess operazzjoni.
Qam għall-okażjono! Zammit qeda l-rwol tiegħu b’perfezzjoni. Sfortunatament l-rwol li għażel jeżegwixxi b’tant żelu, ma kienx dak li kien jithallas mill-Erarju għalih, iżda l-rwol ta’ kompliċi f’serqa kbira. Li kieku ma kienx għall-għemil minn tiegħu, din is-serqa ma setgħetx tirnexxi.
Kieku ma għażilx iwarrab għal kollox il-verifiki li kien dovut jagħmel, jirreġistra dettalji tat-trailer, tal-container u jivverifika lkontenut tiegħu, l-operazzjoni mfassla mill-malviventi – li f’xi mument għażel jingħaqad magħhom – qatt ma setgħet tirnexxi. Sebastian Zammit serva ta’ ħolqa importanti biex din l-operazzjoni setgħet tirnexxi.
Roderick Borg kien ukoll li uża l-impjieg tiegħu, is-sors tal-għixien tiegħu, biex flaħħar mill-aħħar jagħmel ħsara lil-MF u r-reputazzjoni tagħha. Borg assista f’din is-serqa f’żewġ okkażjonijiet u dan l-għemil qed jiġi rifless ukoll fil-piena. Ġiet ikkunsidrata l-fedina penali tal-imputati minn fejn jirrizulta li mhumiex xi first-time offenders.
L-għemil tal-imputati wera kemm kienu jiġu jaqaw u jqumu mill-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom, l-aqwa li jħaxxnu buthom u l-miskin jibqa’ miskin u jfendi għall-rasu hu! Finalment ittieħdet konsiderazzjoni tal-fatt li s-serq tal-container, Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Rennie Stivala u Carlos Cordina mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
//= $special ?>