Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun it-tarka u l-vuċi tal-familji. Dan intqal fi stqarrija li nħarġet mid-deputati Nazzjonalista Robert Cutajar, il-Kelliem għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi, Ivan Castillo, il-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu, Ivan J. Bartolo, il-Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda, u Jerome Caruana Cilia, il-Kelliem għall-Finanzi.
Dak li ħareġ mill-istħarriġ ikkummisjonat mill-Kamra tal-Intrapriżi ż-Żgħar u Medji jagħti raġun lil dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwaru. Minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jipprova jagħti stampa sabiħa u li kollox ward u żahar fil-qasam tan-negozji f’pajjiżna, il-verità llum hi ferm ’il bogħod.
Il-fatt li 65% ta’ dawk intervistati indikaw b’mod ċar li l-Gvern ta’ Abela jrid jibdel ir-rotta ekonomika tiegħu hi konferma ta’ dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwaru. Dan minbarra punti oħrajn li ħarġu mill-istess stħarriġ, fosthom in-nuqqas ta’ governanza tajba u l-għoli tal-ħajja.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun it-tarka u l-vuċi tal-familji Maltin u Għawdxin, inklużi dawk li l-għajxien tagħhom jiddependi min-negozji u l-intrapriżi żgħar u medji.
Il-politika tal-impjiegi implimentata mil-Labour falliet bl-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi u b’xogħol intensiv, li rriżulta biss f’nuqqas ta’ produttività.
L-impjieg ta’ eluf ta’ ħaddiema b’mod indirett mal-Gvern b’pagi baxxi u b’kundizzjonijiet tax-xogħol dubjużi ħolqu sitwazzjoni fejn il-Gvern hu f’kompetizzjoni diretta mal-privat.
Il-Gvern ta’ Robert Abela mhux kapaċi jara l-ħtieġa li jinvesti bis-serjetà fil-ħaddiema Maltin biex dawn itejbu l-ħiliet u jidentifikaw in-nuqqasijiet fil-ħiliet fl-industrija, kif ukoll jidentifikaw ħaddiema li jiġu Malta bil-ħiliet meħtieġa mill-industrija.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ dispost li jressaq proposti biex il-Gvern ta’ Robert Abela jieqaf ikun arroganti u jibdel id-direzzjoni li biha qed imexxi l-ekonomija f’pajjiżna.
//= $special ?>