Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs wara li ammetta ‘hold up’

Raġel ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta għal hold-up li matulu nsterqu numru ta’ mowbajls. Id-delitt twettaq fil-lejla tat-3 ta’ Novembru 2022 f’ħanut Epic fiż-Żebbuġ. L-akkużat, Darren Zammit ta’ 41 sena minn Ħal Luqa ammetta li serq b’valur ta’ €2,329, li żamm lil tal-ħanut kontra r-rieda tiegħu u li weġġgħu ħafif. Huwa ammetta wkoll l-użu illegali ta’ sikkina.

Huwa ammetta wkoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza preċedenti u li sar reċidiv. Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Nadine Lia qalet li l-Qorti nnutat rapport ta’ qabel is-sentenza fejn l-akkużat kien esprima rimors għall-azzjonijiet tiegħu, li rriżultaw minn abbuż tad-droga u abbuż sesswali li sofra f’età żgħira.

L-uffiċjal tal-probation kien irrakkomanda sentenza ta’ ħabs sabiex ikun jista’ jirkupra f’ambjent ikkontrollat. Il-Qorti nnutat ukoll l-ammissjoni bikrija tal-akkużat u l-fatt li l-kondotta kriminali tiegħu kienet tinkludi diversi kundanni. Osservat wkoll li l-vittmi kienu tħallsu lura d-danni tagħhom. Għalhekk il-Qorti ikkundannat lil Zammit erba’ snin ħabs u mmultatu €116.47. Ħarġet ukoll ordni ta’ trattament sabiex ikun jista’ jiġi megħjun jirkupra minn abbuż u problemi mentali relatati.