Il-Futsal Malta Association tat aktar dettalji dwar l-Enemed Futsal Awards, avveniment li se jagħlaq il-kompetizzjonijiet nazzjonali tal-futsal għal dan l-istaġun. Fi preżentazzjoni ghall-mezzi tax-xandir, il-Perit Mark Borg, President tal-Futsal Malta Association, ta dettalji rigward l-avveniment li se jsir fis-17 ta’ Mejju, bil-kollaborazzjoni ta’ Enemed.
Borg elenka numru ta’ kisbiet ewlenin matul dan l-istaġun fosthom l-introduzzjoni tal-iskwadra nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena fil-kampjonat, l-organizzazzjoni ta’ Enemed Women’s Futsal Tournaments u t-tragward storiku miċ-champions tal-futsal lokali Luxol St. Andrews fil-UEFA Futsal Champions League, li laħqu l-Elite Round mal-aqwa sittax-il tim fl-Ewropa.
Barra ir-rebħ tal-Kampjonat Premier minn Luxol St. Andrews u l-Kampjonat Challenger minn St.George’s FC, l-Enemed Futsal Awards se jiċċelebraw is-suċċess tal-plejers fid-diversi kategoriji fosthom;
- L-aktar plejer promettenti;
- L-aqwa plejer Malti tal-Futsal;
- L-aqwa skorers tal-Kampjonat Premier u Challenger;
- L-aqwa Goalkeeper;
- L-aqwa Coach;
- L-aqwa plejers tal-Kampjonat Premier u Challenger.
Se jingħata wkoll għall-ewwel darba il-President’s Award.
Min-naħa tiegħu, l-Inginier Alan Micallef, Chief Corporate Officer tal-Enemed, tkellem fuq is-sostenn li Enemed taght lill-assoċjazzjoniet sportivi sabiex jilħqu l-miri u jkabbru l-attivita tagħhom biex jilħqu setturi ġodda.
Il-Commercial Manager tal-Enemed Cynthia Mifsud tkellmet ukoll dwar is-sodisfazzjon tal-Enemed ghax-xogħol siewi li qed tagħmel il-Futsal Malta Association u stqarret li Enemed hija kommessa li tibqa issostni lill-assoċjazzjoni fl-iżvilupp tagħha.