“Il-PN se jibqa’ impenjattiv biex jassigura l-aqwa ħajja għan-nisa u l-ommijiet kollha hekk kif kull omm hi ta’ valur kbir għas-soċjetà Maltija.”
Dan intqal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt diskussjoni li saret fil-Parlament organizzata mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm.
Bernard Grech qal li hemm bżonn biddla fil-mentalità u iktar għarfien għar-rispett u l-imħabba lejn kull omm. Hu fakkar li t-tfal huma kemm tal-omm u tal-missier u b’hekk ir-responsabbiltà għandha mill-ewwel jum tinqasam bejn it-tnejn.
Il-Kap tal-PN qal il-Gvern għandu jassigura l-aqwa protezzjoni u finanzi għall-ommijiet hekk kif kull omm hi ta’ valur kbir għas-soċjetà Maltija. Bernard Grech fakkar kif Malta għandha l-aktar rata baxxa ta’ fertilita’ fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u kien għalhekk fejn il-Partit Nazzjonalista kien ippropona l-liġi tal-Work-Life-Balance.
Mart il-Kap tal-PN, AnneMarie Grech qalet kif ix-xogħol għaliha jfisser mod kif tista’ tibqa’ mentalment stabbli għalkemm stqarret li l-bilanċ hu verament importanti fil-ħajja tal-bniedem. Hi stqarret kemm tiltaqa’ ma’ ommijiet li jkunu qed jesperjenzaw livell għoli ta’ anzjetà. Kien fid-dawl ta’ dan li appellat biex tingħata l-għajnuna lill-ommijiet kollha għall-bilanċ fil-ħajja ta’ kuljum.
Minn naħa tagħha, il-Kelliem tal-PN għall-Ugwaljanza, Graziella Attard Previ qalet li l-irwol tal-omm jibqa’ importanti b’mod partikolari meta din hi l-pilastru tal-familja. Hi qalet kif il-mara evolviet fis-soċjetà tal-lum tant li setgħet issegwi iktar il-karriera tagħha filwaqt li tibqa’ sservi ta’ omm, liema sitwazzjoni wasslet għal sfidi ġodda.
Fid-diskors tagħha, il-President tal-Malta Employers Association, Joanne Bondin qalet kif hi bħala omm għażlet li tibqa’ taħdem minkejja li għandha t-tfal hekk kif għaliha l-impjieg tagħha dejjem kien importanti… iżda ammettiet kemm affaċjat sfidi tul ħajjitha. Hi ddiskriviet il-ħajja normali ta’ kuljum, fejn wieħed seta’ jifhem kif din mhix waħda faċli minħabba li tkun mimlija daqs bajda u waħda ta’ bla nifs.
Assistant Lecturer fl-Università ta’ Malta, Amy Camilleri Zahra stqarret kif bħala omm b’diżabbiltà xejn u ħadd ma qatalha qalbha milli tibqa’ taħdem fl-istess waqt li trabbi lill-uliedha. Amy appellat biex nisa u ommijiet b’diżabbiltà jingħataw iktar spazju biex jesprimu l-isfidi li jgħaddu minnhom għat-tfassil tal-liġijiet hekk kif dawn ħafna drabi jintesew. Hi qalet kif minn studju li għamlet hi stess ħareġ kif ħafna nies għadhom iqisu d-diżabbiltà bħala suġġett ta’ taboo, b’oħrajn iqisu li n-nisa b’diżabbiltà m’għandhomx ikollhom it-tfal.
F’intervent li sar mill-Professur Yosanne Vella, intqal kif il-passat juri kif il-mara, anke dawk miżżewġin u bit-tfal, dejjem kienu jgħażlu li jibqgħu jaħdmu u b’hekk din mhix xi ħaġa tal-lum biss. Hi qalet kif tul ħajjitha ma kienx jirnexxilha tirnexxi kieku ma sabitx persuni qrib tagħha li dejjem urewha s-sapport, għalkemm sabet ukoll persuni li opponew li tibqa’ taħdem la darba ssir omm. Dan filwaqt li żiedet tgħid li dawk responsabbli għandhom jassiguraw li n-nisa u l-ommijiet jingħataw il-protezzjoni kollha meħtieġa.
//= $special ?>