Lokali Qorti

Iż-żebbuġ li nxtered u li wassal għall-mewt ta’ sewwieqa ta’ mutur kien ta’ periklu għat-traffiku kollu

Iż-żebbuġ li kien inxerred fit-triq minn trakk misjuq mir-raġel akkużat li kkawża ħabta fatali ta’ mutur kien ta’ periklu għat-traffiku kollu tat-triq li jgħaddi mill-inħawi, intqal fil-Qorti. Dan ħareġ mix-xhieda ta’ l-Ispettur Roderick Attard hekk kif quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia kompla l-każ ta’ omiċidju involontarju fil-konfront ta’ Joseph Cortis ta’ 79 sena minn Ħad-Dingli.

Cortis jinsab akkużat li b’negliġenza kkawża t-tixrid taż-żebbuġ li wassal għall-mewt ta’ Marie Claire Lombardi (ritratt) ta’ 45 sena fit-22 ta’ Ottubru 2022. Lombardi, ‘hairdresser;, mietet fuq il-post wara li l-mutur tagħha Yamaha skiddja u ħabat f’centre strip fi Triq l-Imdina fir-Rabat.

L-Ispettur Attard qal lill-Qorti li ż-żebbuġ imxerred, li kien tgħaffeġ minn traffiku li jgħaddi, kien ifforma roqgħa taż-żejt li kienet ta’ periklu għas-sewwieqa kollha. L-Ispettur xehed li riżultat tal-ħabta sussegwenti, Lombardi kienet sofriet driegħ żlokat, kif ukoll ġrieħi, fil-geddum u n-naħa t’isfel ta’ ġisimha.

Qal li l-investigazzjoni kienet iffokat fuq Cortis wara li koppja li kienet qed issuq wara l-vann ta’ Cortis raw il-kaxxi biż-żebbuġ jaqgħu għal barra minnu. Is-sewwieq kien ipprovda lill-pulizija skeċċ ta’ sticker li kien ra fuq il-vann blu li kien qed isuq l-akkużat.

L-avukat difensur Patrick Valentino ssuġġerixxa lill-ispettur li s-sewwieq ma qalx lill-pulizija li ra kaxxa taqa’ mill-vann iżda biss li kien ra ż-żebbuġ fit-triq. L-Ispettur Attard ċaħad din l-asserzjoni, filwaqt li rrimarka li mart Bartolo kienet qalet ukoll lill-pulizija li żewġha kien iddeskriva li ra ċestun nieżel minn vann u li diversi xhieda oħra taw xhieda simili.