Il-militanti Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza sparaw numru ta’ rokits lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera – u wara lil-militar ta’ Iżrael wettaq l-attakki ġodda mill-ajru fuq il-pożizzjonijiet u r-rocket launchers tal-grupp Ġiħad Iżlamiku.
Jidher li fl-aħħar vjolenza mietu u ndarbu numru ta’ Palestinjani waqt li l-kelliema għal Iżrael qalu li l-bumbardamenti tal-militanti fuq l-ibliet tagħhom ma ħallew l-ebda vittmi.
Mifhum ukoll li s-sistemi tad-difiża tal-Iżraeljani rnexxielhom jinterċettaw ħafna mill-missili sparati lejhom minn Gaza.
L-aħħar spinta ta’ vjolenza fir-reġjun seħħet wara l-qtil, sigħat qabel, ta’ mill-anqas 20 Palestinjan waqt attakki tal-ajru mill-Iżraeljani u fejn fost il-vittmi kien hemm tliet kapijiet ewlenin tal-militanti tal-Ġiħad Iżlamiku.
Filwaqt li l-militanti f’Gaza ħalfu li jpattuha lill-Iżraeljani għall-qtil tal-Kapijiet tagħhom, il-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa kien pjuttost kwiet għar-residenti fl-artijiet tal-Palestinjani mal-fruntiera ma’ Iżrael.
Madankollu, il-Ġiħad Iżlamiku wissa lil Iżrael biex ‘jistenna r-reazzjoni tiegħu kullimkien u fi kwalnkwe ħin’, fost il-possibbiltà ta’ gwerra ġdida miftuħa fuq diversi fronti bejn il-militanti f’Gaza u l-Armata Iżraeljana.
Fi żviluppi oħra, irrankat anki t-tensjoni fix-Xatt tal-Punent okkupat mill-Iżraeljani u wara li t-truppi ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, wettqu sensiela ta’ rejds fuq is-suspettati moħbiet tal-Palestinjani militanti. Waqt dawn ir-rejds inqatlu żewġ Palestinjani f’konfront mat-truppi Iżraeljani li, min-naħa tagħhom, qalu li kienu qed jiddefendu ruħhom wara li ż-żewġ irġiel kienu sparaw għal fuqhom.
//= $special ?>