Il-Gvern ta’ Robert Abela naqas milli jimplimenta l-Liġi tal-Pjattaforma, tant li jidher ċar li xejn ma nbidel u din kienet biss eżerċizzju ta’ “copy & paste” wara li l-Gvern kien imġiegħel jintroduċi l-Liġi wara d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2019/1152. Dan sar xhur wara d-data tal-għeluq u kien f’Infringment Notice mill-Unjoni Ewropea wara li skatta ż-żmien biex tkun implementata fil-Liġi.
Fi stqarrija maħruġa l-Erbgħa fil-filgħodu, Ivan Castillo il-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Maritimu tal-Partit Nazzjonalista sostna li fil-15 ta’ Ottubru, f’konferenza tal-aħbarijiet qabel iddaħħlet il-Liġi u wara li ltaqa’ mal-istakeholders kollha, il-Partit Nazzjonalista spjega kif ried jassigura li din il-Liġi tkun implimentata bis-serjetà. Sfortunatament, l-arroganza tal-Gvern reġgħet wasslet għal falliment ieħor.
Il-Gvern ta’ Robert Abela ma ghamel xejn biex jassigura li din il-Liġi tkun infurzata anke wara li l-Partit Nazzjonalista u l-media indikaw il-fallimenti tagħha.
Li kieku l-Gvern ried li din il-Liġi taħdem, kien jipprovdi lid-DIER bir-riżorsi meħtieġa biex iwettaq infurzar fuq dik li lkoll nafu li hi Liġi li qed tinkiser. Iżda l-Gvern irid ikompli jgħatti x- xemx bl-għarbiel u jiddikjara li l-Liġi qed taħdem.
Il-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jkun reattiv b’konferenzi tal-aħbarijiet aktar milli proattiv biex jiżgura li l-liġijiet li jgħaddu jkunu mħarsa.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jara li d-DIER ikollu aktar riżorsi biex jassigura l-infurzar ħalli tittieħed azzjoni u d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu mħarsa u mhux miksura bħalma qed sir bil-kunsens tal-Gvern, fejn illum il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema qed jiddeterjoraw u qed ikollu effett negattiv fuq il-ħaddiema kollha u joħloq diskriminazzjoni bejniethom.
In-nuqqas ta’ azzjoni tal-Labour fuq kull livel juri li hu kollox ħlief partit tal-ħaddiem, bl-unika tarka għall-ħaddiema u dawk vulnerabbli jibqa’ l-Partit Nazzjonalista.