Internazzjonali

Stati Uniti: Trump ikkundannat biex iħallas il-miljuni f’kumpens għal abbuż sesswali

Qorti fi New York sabet lill-eks President Amerikan Donald Trump ħati ta’ abbuż sesswali u malafama fil-konfront tal-awtriċi u ġurnalista E Jean Carroll.

Il-każ – li jmur lura għas-snin disgħin – kien seħħ fl-istabbiliment tal-ħwienet ta’ Bergdorf Goodman f’Manhattan, madankollu, il-Qorti deċidiet li Trump ma stuprax lill-awtriċi skont l-akkuża oriġinali.

Fl-istess ħin, il-qorti qalet Donald Trump jista’ jkollu jwieġeb għall-malafama talli rrefera għall-akkużi ta’ Carroll bħala ‘gideb ibbażat fuq storja vvintata’.

Din hi l-ewwel darba li eks President Amerikan instab ħati ta’ abbuż sesswali – bi Trump ikun ordnat biex iħallas kważi $5 miljuni lill-awtriċi bħala kumpens relatat  mal-akkużi kontra Trump li kienu validati mill-qorti.

Il-ġuri magħmul minn sitt irġiel u tlett nisa laħaq din id-deċiżjoni wara anqas minn tliet sigħat ta’ deliberazzjonijiet – bl-avukat ta’ Trump jgħid li l-eks President qed jaħseb biex jappella mill-verdett finali.