Bejn is-6 u t-30 ta’ Ġunju 2023 se tittella’ wirja ta’ tpinġijiet tal-kittieb u drammaturgu ewlieni Malti Francis Ebejer (1925-1993). Ebejer jibqa’ magħruf l-aktar għall-kapulavuri teatrali tiegħu bħal Vaganzi tas-Sajf, l-Imnarja Żmien il-Qtil, Il-Ħadd fuq il-Bejt, Karnival u ħafna oħrajn. Iżda ftit jafu li Francis Ebejer minbarra l-kitba ta’ rumanzi, novelli u drammi kellu wkoll għall-qalbu l-Arti viżiva u għalhekk din l-għażla ta’ xogħolijiet għandha tkun ta’ interess kbir għall-istudjużi tal-letteratura, dawk li jħobbu l-Arti u l-pubbliku in ġenerali.
Din il-ġabra ta’ kwadri għandha mnejn titqies bħala sorpriża għal ħafna li jafuh biss bħala artist li jesprimi ruħu bil-kitba. Wieħed jista’ jsib rabtiet bejn l-arti viżiva u dik letteraja ta’ Francis Ebejer. Madankollu dawn ix-xgħolijiet għandhom ħajja tagħhom biss u li xorta jistgħu jkunu ta’ għodda sabiex wieħed jifhem aktar kemm hija tassew wiesgħa il-medda artistika ta’ Francis Ebejer, wieħed mill-pilastri letterarji u kulturali kbar ta’ Malta lejn tmiem is-seklu Għoxrin.
Il-wirja li qed tkun imħejjija minn Damian Ebejer, iben Francis, ser tinżamm ġewwa l-Mużew Wignacourt ir-Rabat u ġġib l-isem ta’ Echoes, the Visual Other u tikkonsisti f’madwar 30 kwadru li nħadmu matul is-snin 80 u 90. Tkun mifuha għall-pubbliku mingħajr ħlas. Flimkien mal-wirja ser jiġi pprżentat ktieb miġbur minn Damian Ebejer dwar l-arti ta’ Francis Ebejer li fih ser ikun hemm diversi ritratti tax-xogħlijit tal-artist kif ukoll kitbiet ta’ studjużi tal-Arti li jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar dan l-artist u kittieb ewlieni Malti.
Francis Ebejer kien iħobb l-arti tat-tpinġija minn qabel ma beda jikteb u kien stqarr li t-tpinġija hija l-ewwel imħabba tiegħu sa minn meta kien tella’ l-ewwel wirja tiegħu fl-1991 ġewwa dak li kien il-Mużew tal-Arti, Triq Nofsinhar il-Belt Valletta. Huwa minn dejjem ħabb l-arti moderna u kien involut ukoll sa mis-snin 50 bħala difensur tal-Grupp tal-Arti Moderna kontra l-kritika li dan il-grupp kien sab meta l-membri tiegħu ppruvaw ikattru l-interess f’forom ġodda ta- arti viżiva f’Malta.
Fil-wirja Francis Ebejer jagħmel użu minn pastelli, pinen ikkuluriti u karbonella u media artistiċi oħrajn. Din il-wirja tista’ titqies bħala aspetti ieħor tal-personalità artistika qawwija li aħna familjari magħhom fil-kitbiet narrattivi u teatrali tiegħu. Huwa żgur li din il-wirja m’għandhiex titħalla tgħaddi u kull min iżurha jkun jista’ tassew jieħu pjaċir b’dan ix-xogħol mimli ħajja u fantasija.
//= $special ?>