Wara żmien twil ta’ abbandun, dak li qabel kien ċimiterju iżda llum jservi parti miz-zuntier, issa beda jiġi restawrat – xogħol li qed isir fuq barra tal-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat, u li se jagħti ħajja ġdida li dan il-wirt storiku li jmur lura snin sħaħ.
Ix-xogħol magħmul fl-imgħoddi kien sar bi ħsieb kbir hekk kif fost l-oħrajn, mill-istudju li sar, instab kif iz-zuntier jgħaqqad il-Lvant tar-Rabat mal-Punent tal-istess lokalità permezz tal-mod kif kienu issawru l-entraturi; simbolu tat-twemmin Kattoliku tal-bidu u t-tmiem.
Net News tkellem mal-Arċipriet, Fr Joe Mizzi, fejn spjegalna li dan il-proġett hu importanti ferm hekk kif jintuża’ mhux biss mir-Rabtin iżda wkoll mit-turisti.
Il-Perit Stephen Pulis spjegalna kemm dan il-proġett jeħtieġ xogħol ma jaqta’ xejn biex jassiguraw li l-proġett jiġi identiku għal dak li kien qabel; minkejja li l-post kien beda jiddeterjora sew u saħansitra esperjenza atti ta’ vandaliżmu.
Dan il-proġett kien jeħtieġ fondi mill-Unjoni Ewropea biex ikun jista’ jsir, kif jispjegalna il-minority leader tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Nazju Cassar.
Dan ix-xogħol mistenni li jitlesta fix-xhur li ġejjin hekk kif numru ta’ ħaddiema qed jaħdmu fuq dan il-proġett jum wara l-ieħor.