Lokali

Yorgen Fenech msejjaħ biex jixhed quddiem il-PAC

In-negozjant Yorgen Fenech ġie msejjaħ biex nhar it-Tlieta li ġej jixhed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. Dan b’rabta mal-investigazzjoni li kien għamel l-Awditur Ġenerali dwar kuntratt kontroversjali mogħti mill-Gvern lill-Electrogas sabiex tinbena l-power station il-ġdida tal-gass.

Yorgen Fenech kien direttur tal-Electrogas, iżda irriżenja mill-kariga wara l-arrest tiegħu b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Kien iċ-Chairperson tal-PAC Darren Carabott illi ressaq talba biex Fenech jixhed fis-seduta li jmiss ta’ nhar it-Tlieta – talba li għaliha ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni. 

Il-PAC issa ilu xhur sħaħ jinvestiga l-intriċċi kollha marbuta mad-deal skandaluż tal-Electrogas, fejn diġa’ ħareġ ċar kif kollox kien maħdum biżżilla sa minn qabel l-elezzjoni. U kif l-għażla ta’ dan il-konsorzju kienet diġa’ konfermata saħansitra qabel id-deċiżjoni tal-Bord tal-Enemalta.

Issa, wara li l-grilling ta’ Keith Schembri kellu jieqaf temporanjament – il-proċess se jkompli b’domandi lil Yorgen Fenech.

Apparti Darren Carabott, fil-PAC f’isem il-PN hemm ukoll David Agius u Graham Bencini.

Reċentement, Yorgen Fenech kien spiċċa mill-ġdid fl-aħbarijiet meta ġew leaked chats ta’ whatsapp mad-Deputat Rosianne Cutajar – messaġġi illi juru mhux biss ir-rabta li kellu ma’ Cutajar, iżda wkoll is-saħħa li kellu biex iġib informazzjoni minn Kastilja. Tant illi kien jiftaħar li kapaċi jitkixxef fuq dak li għaddej fil-Gvern.

Yorgen Fenech bħalissa għadu miżmum fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.