Se jkunu Luxol St Andrews u l-Università ta’ Malta li se jkunu qed jikkontestaw il-finali tal-E & L Futsal Trophy wara li rebħu s-semifinali rispettiva tagħhom.
Iċ-champions Luxol xejn ma sabuha faċli sabiex għelbu lil Żurrieq bl-iskor ta’ 4-3.
It-tim immexxi minn Gabriel Dobre kien qed jitlef 1-0 sa tmiem l-ewwel taqsima għalkemm fit-tieni taqsima l-plejers ta’ Luxol urew aktar aggressività u dawru l-iskor favurihom.
Min-naħa tagħhom, Żurrieq qatt ma qatgħu qalbhom u l-fatt li kienu qed jilagħbu mingħajr pressjoni għenithom sabiex jipproduċu logħba tajba.
Għal Luxol spikka l-captain tagħhom Mark Zammit li skorja tripletta b’Marwan Telisi jiskorja l-gowl l-ieħor.
Żurrieq kellhom lil Armando Gjepali jiskorja doppjetta filwaqt li Ferreira kien poġġihom fil-vantaġġ.
Il-holders ta’ din il-kompetizzjoni l-Università ta’ Malta għelbu lil Ta’ Xbiex Futsal 7-2 f’logħba li huma amministraw għal ħafna ħin.
Il-plejer Brażiljan Guillherme Fonseca kien il-protagonista prinċipali tal-Università hekk kif skorja erba’ gowls filwaqt li Gia Nikvashvili wettaq doppjetta. Aaron Montebello wkoll niżżel ismu fost l-iskorers.
Dylan Musu u Zvezdan Vukovic kienu l-iskorers għal Ta’ Xbiex.
Il-finali tal-E & L Futsal Trophy se tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke. Din se tkun ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra fejn l-Università kienu għelbu lil Luxol 6-2.
