Marie Schumann, Ġermaniża ta’ 19-il sena mill-Bavaria u li hija studenta residenti f’Birkirkara, ġiet ikkundannata sitt xhur ħabs sospiżi għal sena wara li ammettiet li fil-5 ta’ Mejju li għadda kkaġunat ġrieħi gravi fuq tifel ta’ sena u xahrejn meta f’inċident sfortunat waqgħelha t-termos u samtet lit-tifel f’idu u f’siequ waqt li kienet qed tagħmel xi xogħol f’ċhild care centre.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur James Mallia qalet li l-inċident kien irrapportat li seħħ fiċ-child care centre Magic Castle f’Ħal Qormi. Mill-investigazzjonijiet tal-puliizja, irriżulta li l-persuna li waqqgħet it-termos kienet l-akkużata u meta kellimha l-ispettur, hija tat verżjoni differenti minn kif kienu qed jirriżultaw l-investigazzjonijiet u mill-verżjoni tal-ġenituri tat-tifel. Intqal ukoll illi l-incident report qatt ma sar min naħa tac-childcare.
L-Avukat Alessandro Lia li deher għall-parte civile qal li t-tifel ta’ sena u xahrejn għadu qed jingħata l-kura l-isptar u għadhom qed jistennew kif it-tifel se jirrispondi għat-trattament li qed jingħata. Żied li t-tifel jaf ikollu bżonn jagħmel operazzjonijiet u mhux mifhum meta dan se jingħaqad ma’ ommu u missieru.
Il-prosekuzzjoni qalet li anki mill-filmati tas-sigurtà jidher li n-natura tal-inċident kienet involontarja u mhux qed tintalab piena ta’ ħabs fil-konfront tal- Ġermaniża. L-Avukat difensur Brandon Kirk Muscat qal li dan kien inċident sfortunat u l-akkużata amettieta mill-ewwel.
Hu appella għal sentenza minima. L-avukat Lia qal li kulħadd jifhem li dan kien inċident sfortunat iżda l-ġenituri fdaw lil binhom fir-responsabilità ta’ Child Care Centre u ġara li ġara. Huwa rrakkomanda grad inqas minn sentenza effettiva ta’ ħabs tkun idonea f’dan il-każ. Ta wkoll x’jifhem li l-każ se jmur ukoll quddiem Qorti ċivili. Il-Maġistrat Monica Vella kkundannat lit-tfjala sitt xhur ħabs sospiżi għal sena.
//= $special ?>